B’investiment ta’ aktar minn mitejn elf ewro mill-Fond għall-Iżvilupp tal-Ippjanar, pjazza pubblika fiż-żona residenzjali ta’ Ħal Farruġ se tara proġett ta’ tisbiħ.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal kif iż-żona residenzjali ta’ Ħal Farruġ taf il-bidu tagħha madwar erbgħin sena ilu u li dan l-aħħar inħasset il-ħtieġa li jsir xogħol ta’ tisbiħ, permezz ta’ infrastruttura ħadra.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia saħaq kif permezz ta’ dan il-proġett se tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Qal, “Dan huwa t-tielet proġett fi żmien ta’ jumejn li qed nitkellmu dwaru permezz ta’ dan il-fond tal-Awtorità tal-Ippjanar u li permezz tiegħu qed nibdlu l-ħajjiet tan-nies u qed ninvestu f’infrastruttura ħadra, qed nitkellmu fuq postijiet fejn in-nies jgħixu u n-nies jaħdmu allura l-qalba tal-komunità. Hawnhekk se naraw investiment ta’ €215,000 illi permezz tiegħu hawnhekk se naraw infrasstruttura ħadra, għamara illi tilqa’ lil dawk li jgħixu fil-madwar u dawk li jżuru dawn in-naħat.”
Iċ-Chairperson tal-Fond għall-Iżvilupp tal-Ippjanar, il-Perit Vince Cassar, spjega li din il-proposta ġiet milqugħa mal-ewwel mill-Awtorità tal-Ippjanar għax jidher li ż-żona kien ilha mitluqa u li b’titjib sostanzjali tkun tista’ titgawda aħjar mill-pubbliku.
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri qal kif ir-residenti tal-madwar laqgħu b’mod pożittiv dan il-proġett u qal kif ix-xogħlijiet fuqu mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.