Villa Bianca, f’Santa Venera ħa tkun qed tinbidel fi skola tal-mużika għal tfal bl-awtiżmu u b’diżabbilità permezz ta’ rinovar li ħa jiġi ffinanzjat mill-Gvern bis-saħħa tal-Awtorità tad-Djar.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarjiet f’Villa Bianca fejn preżenti kien hemm il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, Roderick Galdes, il-President Emeritu u Chairperson tal-Malta Trust Foundation, Marie-Louise Coleiro Preca, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay.
Il-President Emeritu, Marie Louise Coleiro Preca, qalet li dan il-proġett qed isir ma’ ħafna għaqdiet mhux governattivi lokali, bħall-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome, l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri ta’ tfal bl-Awtiżmu, il-Federazzjoni tal-għaqdiet b’persuni b’ diżabbilità, kif ukoll ma’ dawk barra minn xtutna bħall-iskola tal-mużika Resonaari bbażata fil-Finlandja li se tgħaddi l-aqwa prattiċi lill-għalliema Maltin.
“L-ewwel nett din hija l-ewwel skola tax-xorta tagħha f’pajjiżna fejn ħa nkunu qegħdin noffru tagħlim tal-mużika lil tfal b’abbiltajiet differenti. Għandna kollaborazzjoni wiesa’ ħafna.”
Iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation irringrazzjat ukoll lill-Ministru Roderick Galdes fuq l-fatt li qed jilħaq l-għaqdiet mhux governattivi fuq proġetti li ħa jagħtu għajnuna lil dawn it-tfal sabiex ikompli jitkattar l-iżvilupp tagħhom.
Il-Ministru Gales, saħaq li dan il-proġett juri li l-għaqdiet mhux governattivi dejjem se jsibu l-għajnuna u l-inkoraggiment mill-gvern, li dejjem qiegħed hemm biex jisma’ l-ideat tagħhom.
“ lmkien mal-Malta Trust Foundation, tfal li għandhom l-kundizzjoni tal-Awtiżmu, tfal li għandhom id-downs syndrome jew persuni b’diżabbilita oħrajn li jfittxu mezz ta’ għajnuna permezz tal-mużika li ovvjament jikkomunikaw aħjar permezz tal-mużika u allura faċilita bħal din titlob li anke wkoll jsir rinovar tagħha permezz tal-fondi li ħa jalloka l-Gvern bl-Awtorità tad-Djar lill-Malta Trust foundation nkunu nistgħu nwettqu wkoll dan il-proġett”.
F’kumment ukoll ma’ din l-kamra tal-aħbarjiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qal li skemi tal-Awtorità tad-Djar ħa jkunu qed jgħinu tfal u familji sabiex jiġu ndirizzati l-ħtiġijiet tagħhom għax dawn il-persuni wkoll għandhom dritt li jilħqu il-milja ta’ ħajjithom.
“Kellna disa’ mitt persuna illi ibbenefikaw mill-iskema li tgħin persuni u familji li għandhom xi kundizzjonijiet u diżabbilità u allura din l-inizjattiva tinkwadra tajjeb ħafna anke fil-ħidma tal-Awtorità tad-djar f’dan il-qasam soċjali.”