Minn Ċentru Parrokkjali mitluq f’Ħal Safi, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikun qiegħed jaħdem fuq proġett ta’ riġenerazzjoni ħolistika fuq dan iċ-Ċentru biex jerġa’ jibda jintuża bħala d-dar naturali għall-komunità Safija.
Waqt żjara f’dan iċ-Ċentru, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia ħabbar kif il-binja taċ-Ċentru, li bħalissa tinsab fi stat mitluq, ser tkun qiegħda tiġi riġenerata biex terġa’ tibda tilqa’ fiha liż-żgħażagħ, lill-anzjani u lill-għaqdiet volontarji tal-lokalità.
“Biex ikollna pajjiż ta’ kwalità irridu nsaħħu l-għaqda u l-kwalità minnha nfisha ġewwa l-lokalitajiet tagħna u dan iċ-Ċentru Parrokkjali f’Ħal Safi huwa simbolu ta dan kollu. Min jaf kemm tfal u żgħażagħ u familji sħaħ ġew hawnhekk sabiex jirrilassaw flimkien mal-familja tagħhom u qiegħdin naraw li din ir-riġenerazzjoni tkun mhux biss għall-poplu ta’ Ħal Safi sabiex igawdi minn dan l-investiment li ser inkunu qiegħdin nagħmlu iżda ukoll għall-barranin li jiġu jżuru dan ir-raħal hekk speċjali.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia
Is-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula wera s-sodisfazzjon tiegħu u qal li il-binja taċ-Ċentru Parrokkjali tmur lura għaż-żmien il-Kavallieri u allura filwaqt li qed isir ir-riġenerazzjoni, se terġa’ tingħata l-ħajja lil dan il-post hekk prezzjuż.

Dun Ivan Scicluna, il-Kappillan tal-Parroċċa, ukoll sostna dwar l-importanza ta’ dan il-proġett u rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi għaliex permezz tal-ħidma tal-Gvern, il-komunità ser tkompli tingħaqad aktar flimkien.
“Il-Knisja fil-ħidma pastorali tagħha barra l-post li l-knisja, fejn tagħmel l-attività’ liturġika, jkollha bżonn post ieħor fejn tippjana u tpoġġi l-attivitajiet tagħha. Dan huwa l-post, fejn aħna beħsiebni ‘l quddiem nagħmlu dawn l-attivitajiet. Għalhekk inħares ‘il quddiem ħalli dan il-post ikun post fejn jiltaqgħu it-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji u jkunu jistgħu hemmhekk, barra mument ta’ talb u tagħlim, ikun ukoll mument ta’ rikreazzjoni u attività soċjali. Ta’ dan nirringrazzja lil-Ministeru tax-xogħlijiet pubbliċi li offrew li jagħmlu r-riġenerazzjoni ta’ dan il-post.”
Ivan Scicluna – Il-Kappillan ta’ Ħal Safi