Se jkun qed jiġi rriġenerat Ġnien Paul Boffa, fil-qalba ta’ Raħal Ġdid, b’enfasi fuq il-ħolqien ta’ spazju aktar sigur, inklussiv u aċċessibbli għat-tfal u l-familji.
Dan il-ġnien mhux biss se jservi bħala spazju rikreattiv ewlieni, iżda wkoll joffri opportunitajiet għat-tagħlim … anke fid-dawl tal-fatt li jinsab fil-viċinanzi tal-iskola Primarja tal-lokal.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonnett, li qal li l-viżjoni tal-Gvern għal spazji miftuħa hi waħda ċara, filwaqt li spjega kif dan il-proġett jikkumplimenta xogħol infrastrutturali fit-toroq tal-inħawi.
“Il-viżjoni tal-Gvern għall-ispazji mitfuħa hi ċara. Qed naraw li diversi entitajiet tal-Gvern, li jagħmlu xogħol infrastrutturali, jaraw li jieħdu ħsieb li jirranġaw il-ġonna tagħna, speċjalment dawk li għandhom bżonn.”
Il-Ministru Cris Bonnett

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, saħaq kif dan il-proġett jenfasizza l-impenn tal-aġenzija biex tiżviluppa spazji pubbliċi siguri u ħodor li jħeġġu l-attività f’ambjent sabiħ.
“Bħala Infrastructure Malta, wara li ħa nkunu lestejna numru ta’ toroq f’din il-lokalità, issa se nkunu qed ninvestu wkoll biex nagħtu l-ħajja mill-ġdid lil dan il-ġnien – Ġnien Pawlu Boffa – fil-qalba tal-lokalità, li se nkunu qed naraw li mhux biss nagħtuh ħajja mill-ġdid, imma wkoll nagħmluh ħafna aktar aċċessibbli.”
Steve Ellul, Kap Eżekuttiv, IM
Is-Sindku tal-lokal, Jason Silvio, irringrazzja lill-Gvern għal proġetti ta’ din ix-xorta, li jirriflettu l-ħtiġijiet tar-residenti u li jagħtu nifs ġdid u ambjent xieraq biex jitgawda mill-familji.
“Ġnien li ilha tinħass il-ħtieġa li jsir ir-rinnovar tiegħu. Ġnien fil-qalba tal-lokal tagħna u għalhekk hu tajjeb li nżommu dan il-ġnien fl-aħjar stat possibbli.”
Jason Silvio, Sindku Raħal Ġdid
Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-proġett hi t-trasformazzjoni taż-żona tal-logħob, fejn se jiġi installat tagħmir modern u sigur fuq wiċċ artab u protettiv, flimkien ma’ struttura, li ddawwar din iż-żona biex jinħolqu kundizzjonijiet siguri.
Id-disinn jinkorpora l-enfasi li l-post ikun aċċessibbli għal kulħadd, bix-xogħlijiet li għandhom jibdew fix-xhur li ġejjin.
Il-proġett mistenni jitlesta s-sena li ġejja.