Madwar 20,000 tifel u tifla Maltija u 2,000 tifel u tifla Sqallin ta’ bejn l-erba’ u tnax-il sena se jieħdu sehem f’eżerċizzju ta’ screening bil-għan li jiġi ddeterminat jekk ibatux mill-marda tas-coeliac u għalhekk ma jistgħux jieklu prodotti li jkunu fihom il-qamħ.
Bil-kunsens tal-ġenituri tagħhom, it-tfal se jitteħdilhom kampjun ta-demm b’metodu innovattiv.
Dan bħala parti minn proġett ta’ żewġ miljun ewro bejn Sqallija u Malta li se jkun ffinanzjat mill-programm ta’ finanzjament magħruf bħal INTERREG Italia-Malta.
F’konfrenza tal-aħbarijiet konġunta mill-Ministeru għall-Edukazzjon u s-Segretarjat Parlamentair għall-fondi Ewropew, ingħad li l-proġett għandu l-għan li jiżvilppa metodu ħafna inqas invażiv minn dak tal-endoskopija li bħalissa jiddetermina jekk persuna tbatix b’din il-marda li tikkawża ħsara fl-imsaren.
Il-proġett se jiġbor ukoll ħafna informazzjoni dwar dil-kundizzjoni.
Iċ-Ċerpersin kliniku għad-dipartiment tal-patoloġija Christopher Barbara, spjega li kemm f’Malta u kemm fi Sqallija hemm inċidenza għolja ta’ din il-marda.
“Tolqot tfal u adulti, t-tnejn, l-iktar, 60% ikunu nisa milli irġiel, 1% fil-mija jista’ jkun hemm tal-popolazzjoni, pero nsibu li Malta u Sqallija, hemm inċidenza ħafna iktar qawwija, issa din hemm kundizzjoni li hija ġenetika u niftakru illi l-ġenetika tal-Maltin u l-Isqallin jixbħu ħafna lil xulxin u għalhekk aħna ingħaqadna Malta u Sqallija biex nagħmlu din ir-riċerka flimkien.”
Dennis Vella Baldacchino, kap uffiċjal mediku mill-Ministeru tas-Saħħa saħaq li l-marda tas-Coeliac hi pjuttost kwieta iżda meta tavvanza toħloq problemi fl-istil ta’ ħajja tal-pazjent.
Is-Segretarju Parlamentari għall- Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li bħalissa hemm ħmistax il-proġett ieħor li qed isiru bejn Malta u l-Italja.
“Huwa proġett bejn Malta u Sqallija, jiġifieri qed nitkellmu dwar entitajiet privati, imma wkoll dwar universitajiet kemm Malta kif ukoll Sqallija li qed jikkoperaw flimkien bħal ma’ qed jagħmlu fi ħmistax il-proġett ieħor, li huma taħt din il-kappa ta’ Italja-Malta program. Flimkien dawn għandhom fondi ewropej ta’ madwar għaxar miljuni.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-xogħol, Evarist Bartolo saħaq li r-relazzjoni tajba bejn Malta u Sqallija hija importanti sabiex dawn it-tip ta’ riċerki ikomplu jsiru. Huwa esprima l-fiduċja tiegħu fil-ġenituri tat-tfal Maltin li jikkollaboraw f’din ir-riċerka għall-ġid ta’ wliedhom.