Is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni ħabbar numru ta’ investimenti fi proġetti ta’ riċerka bil-għan li jkabbar l-għarfien u jipprovdi soluzzjonijiet innovattivi immirati speċifikament għal ekosistemi fil-baħar.
Il-ħames proġetti konġunti bl-isem ta’ ‘Smart Solutions for Unique Ecologies’, qed isiru minn tliet dipartimenti tal-Università ta’ Malta, tal-Arkeoloġija, tal-Bijoloġija u tal-Ekoloġija, u tal-Intelliġenza Artifiċjali.
L-ewwel proġett imħabbar, intitolat ‘AI for Conservation and Sustainable Management of Marine Habitats’, se jkun immexxi mill-Professur Timothy Gambin u għandu l-għan li jikseb għarfien u jħares ir-relazzjoni bejn ir-riċerka, l-ekosistemi marittimi u l-opri tal-baħar stroriċi midfuna f’qiegħ il-baħar, li joffru kenn għal diversi speċi.
L-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali, flimkien ma’ studji ekoloġiċi marittimi, se tippermetti assessjar tar-riżorsi marittimi b’mod kwantittattiv u kwalitattiv.
Dan il-proġett qed jattira wkoll kollaboraturi minn barra, fosthom mid-Danimarka.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega kif l-investiment f’dawn il-proġetti ta’ riċerka jorbot bis-sħiħ mal-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2023-2027 li se jkun imniedi uffiċjalment fil-ġimgħat li ġejjin, kif ukoll mal-iSmart Specialisation Strategy 2021-2027.
Azzopardi Tanti qal li “proġetti ta’ riċerka, bħal dan imniedi llum, jikkontribwixxu għall-miri imposti mill-Ġnus Magħquda għad-Diċenju tal-Oċean, b’mod partikolari fil-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità”.
Tenna li r-riżultati ta’ din ir-riċerka se joħduna pass ’il quddiem fl-ambizzjoni li nifhmu aktar l-opri tal-baħar f’qiegħ il-baħar u l-ekosistemi li kibru madwarhom.
Il-Professur Alfred J. Vella, Rettur tal-Università ta’ Malta, li kien ukoll preżenti, tkellem dwar l-importanza ta’ investiment bħal dan fir-riċerka lokali. Qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir għall-Università ta’ Malta li jixhed li l-inizjattivi ta’ riċerka fi ħdanha qegħdin jiġu mbottati ’l quddiem.
Il-Professur Gambin, responsabbli mill-proġett ta’ riċerka, spjega kif l-għan ta’ dan il-proġett hu maqsum fi tnejn. “L-ewwelnett, irridu niżviluppaw għodda speċifika li tista’ tgħinna niksbu informazzjoni li kapaċi tagħtina perspettivi ġodda tas-sinifikat ekoloġiku tal-opri tal-baħar storiċi misjuba fl-ibħra tagħna. It-tieni, dan il-proġett se juri l-potenzjal tal-AI għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-abitati marina.”
Huwa qal ukoll kif bl-użu sofistikat ta’ algoritmi bl-AI, dan il-proġett ta’ riċerka se janalizza u jinterpreta informazzjoni kumplessa mill-ekosistemi li jinsabu taħt il-baħar, jesplora mudelli u effetti oħrajn li llum il-ġurnata diffiċli li jiġu studjati mill-qrib.