Permezz ta’ investiment ta’ seba’ mitt elf ewro minn fondi Ewropej, fuq medda ta’ seba’ snin, id-Dipartiment tal-Akwakultura se jkun qed jagħmel riċerka sabiex ikun hemm diversifikazzjoni fl-ispeċi tal-ħut li jitkabbar permezz tal-akwakultura.
L-għan ewlieni ta’ dan l-investiment huwa r-riċerka fuq speċi ġodda ta’ ħut fis-settur lokali għall-akwakultura li għandhom potenzjal għoli ta’ valur ekonomiku, u jistgħu jgħinu lill-industrija tal-akwakultura tissaħħaħ billi ssir aktar reżiljenti u kapaċi tilqa’ għal sfidi u kriżijiet filwaqt li tiżdied fil-kompetittività.
L-ispeċi jistgħu jinkludu pagru, denċi u l-aċċola.
Id-Direttur tal-Akwakultura Dennis Calleja spjega li l-pjan hu li tiġi żviluppata teknika u teknoloġija avvanzata, bħal dik tal-Intelliġenza Artifiċjali, f’fażijiet li jkopru diversi stadji ta’ produzzjoni mill-qbid tal-ħut mis-selvaġġ, sal-aklimatizzazzjoni tiegħu taħt kundizzjonijiet f’tankijiet apposta.
Qal, “Ħa nkunu qegħdin napplikaw għal żewġ proġetti ffinanzjati permezz tal-programm operatttiv tas-sajd u l-akwakultura. Ħa nkunu qegħdin niffukaw billi nkabbru l-pagru u denċi, żewġ speċi ġodda. Ħa nkunu qegħdin nagħtu opportunità l-operaturi permezz ta’ protokolli li naħdmu fuqhom sabiex fil-futur wieħed ikun jista’ jinvesti f’dan is-settur ġdid.”
Min-naħa tagħha is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet Alicia Bugeja Said qalet li l-Gvern se jkompli jinvesti f’proġetti ta’ riċerka simili li jwasslu sabiex ikomplu joħolqu opportunitajiet ġodda, speċjalment għal żgħażagħ li jixtiequ jimirħu f’karriera marittima.
Qalet, “Proġett ta’ seba mitt elf ewro li permezz tiegħu se nkunu qegħdin nagħmlu esperimenti ġodda sabiex l-akwakultura f’pajjiżna tkompli timxi ‘il quddiem.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej qed ikomplu jilħqu l-miri tal-Gvern lejn futur aktar sostenibbli u diġitali hekk kif l-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiġġenera għarfien u pjan ta’ implimentazzjoni sabiex speċi ta’ ħut jiġu domestikati, riprodotti, imfaqqsa u mkabbra f’sistemi innovattivi ta’ akwakultura mgħammra bl-intelliġenza artifiċjali.
Stqarr, “Fi żmien seba’ snin nibdew naraw operaturi li jibdew ikabbru d-denċi u l-pagru, biex ikun jista’ jinbiegħ fis-suq u noħolqu suq ġdid, mhux biss għal awrat u ton imma anke bid-denċi u bil-pagru.”