Se jingħata bidu għall-proġett ta’ tindif u rijabilitazzjoni ta’ Wied Speranza fil-Mosta sabiex il-familji Maltin u Għawdxin ikollhom post ieħor fejn jimxu u jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.
Dan tħabbar mill-Ministru l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, fejn spjegat li l-proġett se jsir b’investiment ta’ nofs miljun ewro.
Il-wied mhux biss se jitnaddaf mill-iskart mormi illegalment, iżda se tiġi rijabilitatà l-ekosistema filwaqt li permezz ta’ xogħol fuq l-ilqugħ tal-ilma se jkun qed jiġi konservat l-ilma tax-xita.
“Permezz ta’ dan il-proġett u anke permezz tal-ħidma li qed issir minn Parks Malta qed naraw li noħolqu passaġġ tal-mixi, passaġġ li jibda mill-Kappella ta’ San Pawl tal-Qlegħja u jwassal sal-Kappella tal-Isperanza u b’dan il-mod inkunu qegħdin nagħtu l-opportunità lill-Maltin u l-Għawdxin biex igawdu wied naturali ieħor.”
Id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard spjega kif xogħol ieħor jinkludi r-restawr ta’strutturi rurali, ħitan tas-sejjieħ, pontijiet tal-ġebel u skontri li jinsabu f’dan il-wied.
Dan il-proġett jifforma wkoll parti minn pjan fuq medda ta’ tmien snin, li jinkludi t-tħejjija ta’ pjanijiet maġġuri għal 12-il ilqugħ tal-ilma f’Malta u f’Għawdex.