Ħidma tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi wasslet biex, permezz ta’ Fondi Ewropej, mal-elf metru kwadru ta’ ħitan tas-sejjieħ ġew irrestawrati madwar l-istess lokalità.
Il-proġett investa mas-sebgħa u ħamsin elf ewro, li ħamsa u sebgħin fil-mija minnhom ġejjin mill-pakkett ta’ Fondi Ewropej għal pajjiżna għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, grazzi għall-programm għall-iżvilupp taż-żoni rurali Malti.
Dan l-istazzjon iltaqa’ mas-Sindku ta’ Ħal Safi, Johann Mula, u miegħu żar uħud minn dawn il-ħitan. Miegħu tkellimna dwar il-proċess li embarka fuqu l-istess Kunsill biex illum jista’ jitgawda kemm mir-residenti kif ukoll minn dawk li jżuru l-akwati.
Fil-fatt, biswit dak li illum huwa l-park għall-klieb u żona għall-pikniks f’Ta’ Ġawhar, fejn saret l-akbar parti tal-inizjattiva, is-Sindku spjegalna aktar dwar din l-inizjattiva.
Mula spjega, “L-iskop tagħha huwa li jiġu rranġati l-ħitan tas-sejjieħ fiż-żona rurali, ħitan tas-sejjieħ li jagħtu għat-triq prinċipali. L-iskema, applikajna bħala Kunsill Lokali u ħadna l-ammont ta’ sebgħa u ħamsin elf ewro illi, permezz tagħhom, irrestawrajna dan il-ħajt li hawn hawnhekk warajja. Din kienet għalqa li hija tal-Gvern u ġiet devoluta lill-Kunsill Lokali.”
Johann Mula stqarr li din l-għalqa, li llum iddawret f’żona ta’ rikreazzjoni għall-familji, kienet imdawra b’ħajt tas-sejjieħ baxx filwaqt li kienet post sli fih kien jintrema l-iskart illegalment.
Kien għalhekk li fl-2019 il-Kunsill beda dan il-proċess li, barra li ra r-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, ġie kkumplimentat ukoll bi proġett ieħor ta’ Project Green.
Is-Sindku spjega li dawn il-Fondi kienu miftuħa għall-pubbliku li għandu għelieqi li għandhom il-ħitan tas-sejjieħ mat-toroq rurali.
Fil-fatt, numru ta’ bdiewa bbenefikaw mill-istess fondi biex setgħu jirrestawraw dawn il-ħitan, li jservu wkoll ta’ abitat għal diversi annimali żgħar li jgħixu fil-kampanja.
Dan l-istazzjon żar ukoll uħud minn dawn il-ħitan privati li llum huma aktar siguri.
Johann Mula nnota wkoll il-fatt li dawn iż-żoni f’Ħal Safi huma frekwentati minn bosta, anki li mhux residenti ta’ Ħal Safi. Dan għax din hija żona li tattira diversi nies li jagħżlu li jagħmlu attivitajiet fiżiċi u rikreattivi, fost l-oħrajn, f’dawn l-inħawi.
Hu qal, “Allura huwa tajjeb li dawn il-ħitan jiġu rranġati għaliex dawn ħafna minnhom ġieli jiġri li jkunu forsi mitluqin u jibdew jaqgħu. Allura, hemmhekk jista’ jkollok element ta’ periklu. Imbagħad, għandek l-aspett estetiku wkoll. Meta tara, ovvjament, ħajt bħal dan irranġat, mibni pulit, għandek l-estetika tar-rural li qed tinżamm b’mod sabiħ. Allura min qiegħed jiġi hawnhekk jimxi, jiġri, jew jagħmel affarijiet oħrajn, se jkollu esperjenza żgur aħjar.”