It-tieni fażi tal-proġett, fil-binja tal-Isptar Rużar Briffa f’San Vinċenz de Paul għaddej ġmielu.
Dan il-proġett, li jiswa €9 miljun, se jfisser li din il-binja se jkollha 265 sodda, li tfisser żieda ta’ 115-il sodda.
Dan il-kumpless, li qabel kellu problemi sanitarji u nuqqas ta’ aċċessibiltà se jkollu ċentru għall-persuni li jiddaħħlu għall-kura biex dawk li jieħdu ħsiebhom jieħdu ftit mistrieħ, sptar għall-matul il-jum u binja biex tilqa’ taqsima tar-radjoloġija.
B’dan il-proġett se tkun qed tikkumplimenta mal-parti li kienet tlestiet madwar tliet snin ilu.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li dan il-proġett se jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena.
Huwa stqarr: “Xogħol illi se jkun qiegħed jiswa €9 miljun għal restawr tal-faċċata, li kienet faċċata li hija skedata u apparti l-bidla illi se ssir ġewwa dan il-kumpless, biex minflok 70 resident issa joqogħdu fih, 160 resident f’ambjent modern, skont il-bżonnijiet u skont il-liċenzji li llum nagħtu biex jinfetħu residenzi għall-anzjani.”
Permezz ta’ dan il-proġett se tkun qed tiġi restawrata wkoll il-kappella u żewġ sagristiji.