Għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet fil-proġett ta’ infrastruttura tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar. Proġett li, permezz tiegħu, se tkun qed tiġi aġġornata din l-istess infrastruttura li tolqot San Pawl il-Baħar u Kennedy Grove, u li jinvolvi użu ta’ teknoloġija avvanzata.
Permezz ta’ din it-teknoloġija qed jiġi evitat li jitħaffru trinek biex jitpoġġew is-sistemi l-ġodda li se jtejbu bil-kbir l-immaniġġjar tad-drenaġġ fiż-żona. Dan il-metodu ta’ micro-tunneling qed jiġi attwat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’investiment ta’ kważi sitt miljun u nofs ewro.
ONE News żar dan il-proġett fejn ix-xogħol għaddej b’ritmu pożittiv.
Hemmhekk assistena għat-tħaffir li qed isir flimkien mal-maniġer fi ħdan l-uffiċċju tal-proġetti fi ħdan l-istess Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Nicole Vassallo.
Hi spjegatilna x’jinvolvi l-proċess ta’ micro-tunneling.
“Qed tintuża teknoloġija trenchless fejn, minflok ħa nħaffru fl-art fit-toroq, qed inħaffru xaft, bħalissa għaddej ix-xogħol tax-xaft, inżilna madwar għaxar metri, jonqos qisu ħamsa oħra fejn kif naslu 15-il metru fond jibda l-iskavar tal-mina permezz ta’ magni apposta fejn ħa jħaffru fil-blat u jiddaħħal il-pajp u b’hekk inti ma tkunx missejt il-wiċċ tat-triq.”
Fil-fatt, dan il-micro-tunneling jippermetti li ssir il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura tad-drenaġġ ta’ wieħed punt disa’ kilometri (1.9km) mingħajr il-bżonn ta’ ħafna tħaffir. B’dan il-mod, se jitnaqqas sostanzjalment l-inkonvenjent għall-komunità u jiġi wkoll imminimizzat l-impatt fuq l-ambjent.
Vassallo spjegat kif il-wisa’ ta’ dawn il-mini, 15-il metru taħt l-art, se jkun ta’ wieħed punt tmin metri biex jagħmel tajjeb ukoll għall-bżonnijiet u l-kapaċità li jaf ikun hemm bżonn fil-futur.
B’hekk dan il-proġett qed jaħseb ukoll bil-quddiem.
“Qed isir biex itaffi mill-volum ta’ drenaġġ li bħalissa jgħaddi mit-toroq ta’ San Pawl il-Baħar. Bħalissa l-pumping stations li hemm f’San Pawl il-Baħar, jippompjaw lura fil-mejnijiet li hemm fit-toroq. Issa b’dan il-proġett dawk il-pumping stations se jippompjaw dirett fil-mina allura hekk inti qed tnaqqas il-pressure li hemm fuq il-mejnijiet f’San Pawl il-Baħar.”
Minbarra hekk, l-użu tas-sistema ta’ tħaffir se jkun qed jiġi attwat fi proġetti oħrajn.
“Għandna oħrajn li qegħdin in the pipeline u daqt jiġu ppubblikati bħala tenders biex joħorġu u jiġu implimentati bħalma hu dan.”