B’investiment ta’ ftit aktar minn €45,000, il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun implimenta proġett ta’ manutenzjoni u tisbiħ fi Triq San Ġużepp u Triq Nazzjonali u l-madwar.
Il-fondi nkisbu permezz tal-iskema finanzjarja għal manutenzjoni u sostenn ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri, li tinħareġ mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
L-għan ewlieni ta’ din l-iskema hu li proġetti infrastrutturali maġġuri li jkunu twettqu mill-Gvern Ċentrali fi snin preċedenti jkunu jistgħu jnżammu fi stat tajjeb, inkluż b’manutenzjoni.
Dan il-proġett fil-Ħamrun kien jinkludi pavimentar ġdid, għamara tat-triq, pjanti, waste bins u aluminium panels għal aktar aċċessibilità u sigurtà mal-kumplament tal-pont pedonali.
Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut qal li l-proġett mhux biss għamel manutenzjoni taż-żona, iżda din issa saret aktar aċċessibbli. Huwa spjega li dan il-proġett seta’ jsir biss permezz tal-fondi addizzjonali mill-iskema ffinanzjata mill-Gvern.
Qal, “Permezz tal-fondi miksuba, għamilna tisbiħ ta’ din in-naħa, id-daħla tal-Ħamrun fejn irranġajna s-servizzi li kienu lkoll antiki kif ukoll l-art li ma kinitx daqshekk aċċessibbli. Għamilna tisbiħ kif konna għaddejjin bil-proċess u tajna dehra isbaħ tad-daħla tal-Ħamrun.”
Waqt żjara, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill tal-Ħamrun biex inkisbu l-fondi u għall-ħidma biex twettaq il-proġett.
Qalet, “Permezz ta’ skemi, li qed joħorġu minn żmien għal żmien, il-Kunsilli Lokali jagħmlu dawn il-ħolm realtà.”
Min-naħa tagħha, id-Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Marisa Pisani, qalet li dan il-finanzjament ikkontribwixxa għal titjib fl-infrastruttura u l-benessere inġenerali tar-residenti tal-Ħamrun.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll kunsillieri tal-Kunsill tal-Ħamrun.