Ġie inawgurat l-ewwel proġett ta’ Project Green permezz ta’ estensjoni ta’ elfejn u tliet mitt metru kwadru tal-Park San Klement f’Ħaż-Żabbar, xahar wara li tnediet din l-aġenzija.
Ix-xogħlijiet f’din iż-żona inkludew it-tneħħija ta’ ħaxix salvaġġ, kif ukoll it-tħawwil ta’ mitejn u ħamsin siġra u arbuxell u l-installazzjoni ta’ bankijiet magħmula b’materjal sostenibbli.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli rringrazzjat lill-ħaddiema kollha li għamlu din l-estensjoni possibbli, b’mod speċjali r-rappreżentanti tal-lokalitajiet li jdawru dan il-park, fosthom Ħaż-Żabbar, il-Fgura u Bormla.
Il-Ministru stqarret li l-ħidma ta’ din l-aġenzija se tibqa’ tkun sostenibbli li żżomm l-ambjent u l-ħtiġijiet tal-komunitajiet madwar il-pajjiż fiċ-ċentru tal-operat tagħha.
Dan anke permezz ta’ skema multimiljunarja li tħeġġeġ il-komunitajiet jersqu lejn il-gvern bl-ideat tagħhom.
“Mhux se nieqfu hawnhekk. Irridu l-involviment tal-kunsilli lokali, anke permezz tal-inizjattiva li nedejna ta’ għaxar miljun ewro, fejn qed nitolbu lill-kunsilli lokali, u l-komunitajiet jiġu bl-ideat tagħhom fil-lokal sabiex inkunu nistgħu noħolqu aktar spazji bħal dawn, għaliex il-pjan tagħna huwa li nibqgħu għaddejjin b’dan il-mod u noħolqu aktar spazji ħodor fil-lokalitajiet differenti.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul stqarr li madwar dan il-park jgħixu mal-ħdax-il elf ruħ; residenti li se jkollhom biss għaxar minuti mixja għal dan l-ispazju aħdar.
Huwa qal li dan il-park għandu jservi ta’ idea tax-xogħlijiet li se jsiru minn din l-aġenzija fiż-żmien li ġej.
“Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkollna proġetti bħal dawn viċin ħafna ta’ hawn fin-naħa t’isfel tal-pajjiż, u anke umbagħad fin-naħa ta’ fuq ukoll. Fil-fatt qed inħarsu lejn proġetti simili ħafna ġewwa l-Gudja u anke ġewwa Birżebbuġa fejn għandna pjan interessanti immens.”
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech innota kif il-park ta’ San Klement, li ilu miftuħ mill-elfejn u għoxrin, diġà huwa apprezzat minn bosta persuni li jgħixu viċin tiegħu.
“Meta kien diġà miftuħ kien hemm domanda kbira ta’ nies li kienu qed jiffrekwentaw iż-żona tal-park ta’ San Klement, u ovjament, din l-estensjoni l-ġdida li se tkun addattata għar-rikreazzjoni tal-familji kollha tal-akwati hija essenzjali ħafna fiż-żona ta’ Ħaż-Żabbar.”