B’investiment ta’ sitt miljun ewro, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’xogħol fuq in-network tan-New Water f’Għawdex.
Permezz ta’ dan l-investiment, aktar bdiewa se jgawdu minn ilma li jintuża fix-xogħol tagħhom għat-tkabbir ta’ frott u ħxejjex.
Dan tħabbar waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol f’Kerċem, mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Hawnhekk ġie spjegat kif bħalissa għaddejjin xogħlijiet minn Għajnsielem sa Kerċem, fejn se jkun hemm network ta’ disa’ kilometri.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li dan ix-xogħol qed itejjeb il-kwalità tal-ilma, fosthom ġibjuni msaqqfa biex b’hekk jiġi kontrollat in-network f’żoni rurali li se jkopri aktar minn erbgħin kilometru b’madwar mitejn dispenser ta’ New Water madwar pajjiżna.
Qalet, “Dan juri l-ambiżjoni ta’ dan il-Gvern, li nkunu ambjentali f’dak kollu li qegħdin nagħmlu. Għaliex hawnhekk qegħdin nitkellmu dwar sistema, fejn mid-dranaġġ qegħdin naraw li nitrattaw dak id-dranaġġ biex jasal lill-bdiewa, hawnhekk fil-gżira Għawdxija. U nafu li l-bdiewa jitolbu dan l-ilma, għaliex qed jgħinhom isaħħu filwaqt li jtihom tul ta’ żmien, fejn ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-produzzjoni agrikola tagħhom.”
Il-Ministru Clint Camilleri qal kif dan l-investiment mhux wieħed uniku, hekk kif matul l-aħħar snin tnaddfu l-widien biex aktar ilma jinħażen filwaqt li ġie inawgurat ġibjun għall-ħażna tal-ilma tax-xita u dan jista’ jintuża mill-bdiewa.
Qal, “U għaldaqstant dan in-network qed nippruvaw nifirxuh, kemm jista’ jkun madwar il-gżira kollha, b’diversi dispensers li issa se jkunu qed jitwaħħlu ’l quddiem u dan sabiex propju minn riżors, li forsi qabel kien ikun mormi. Din id-darba qegħdin nibdluh f’riżors, li jista’ jintuża minn settur ieħor, mill-biedja tagħna. Li jfisser ukoll anqas pressjoni fuq l-ilma tal-pjan.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ivan Falzon qal kif il-Korporazzjoni se tkompli tinvesti fl-infrastruttura tagħha biex tkompli tikkontribwixxi favur ekonomija ċirkolari, jissaħħaħ l-ambjent ta’ madwarna u fl-istess ħin toffri appoġġ lill-industrija tal-biedja.