Investiment ta’ kważi €4 miljun ser ikun qed iħares madwar mijja u għoxrin familja li jgħixu f’postijiet remoti fir-Rabat ikollhom sistema adegwata ta’ drenaġġ. Permezz ta’ dan il-proġett ser ikunu qed jibbenefikaw ukoll familji li jgħixu fin-naħat magħrufa bħala tal-Landrijiet u tas-Salvatur.
Għal dan il-proġett se jkunu qed jiġu installati mal-2,000 metru mains tal-ilma u madwar tmien t’elef metru mains tad-drenaġġ kif ukoll aktar minn 3,000 metru cables tal-Enemalta.
Dan il-proġett ġie deskritt bħala wieħed ambizzjuż ħafna peress li l-inħawi huma ambjentalment sensittivi minħabba wirt arekeoloġiku u qed isir taħt sorveljanza minn uffiċjali tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
Il-Perit tal-Proġett, Beverly Costa spjegat: “Għal kull fażi ħa naraw li ma nkunu qed imissu l-ebda wirt kulturali. Dan il-proġett ħa jgħin ħafna lil dawn ir-residenti li għal tul ta’ żmien talbu li jkollhom dan is-servizz.”
Waqt żjara mill-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia fl-inħawi tal-Imtaħleb spjega kif qabel ir-residenti kienu jinqdew minn fossa, bl-inkonvenjenzi kollha li ġġib magħha, fosthom irwejjaħ.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Apparti minn hekk man-naqra xita li kienet tagħmel kien ifur id-drenaġġ bil-konsegwenzi ta’ ħsara għal-uċuħ tar-raba’ u anke għall-persuni li joqgħodu hawnhekk. Għandna responsabilità tagħna u xogħlna qegħdin nagħmluh.”
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus qal li dan il-proġett ilu mistenni għal ħafna snin u l-kunsill laqgħu b’mod tajjeb.
Huwa qal: “Allura huwa ta’ sodisfazzjon għall-kunsill lokali tar-Rabat li jilqa’ fi ħdanu dawn il-proġetti biex itejbu l-kwalità tal-ħajja.”