Infrastruttura Malta qed tibni tnejn minn tliet mollijiet fil-Bajja ta’ San Tumas. Dan wara li dawn sofrew xi ħsarat kawża tal-kuntatt mal-ilma baħar u anke minħabba l-maltemp.
Dan ix-xogħol qed isir biex jiġi elimnat il-periklu għall-għawwiema, is-sajjieda u d-dilettani tad-dgħajjes li jżuru din il-bajja tant popolari. Dan il-proġett huwa parti mill-impenn ta’ Infrastruttura Malta qed tagħmel biex itejjeb l-infrastruttura marittima tal-gżejjer Maltin.
Iż-żewġ mollijiet huma twal 50 metru. Infrastruttura Malta qed taħdem sabiex il-maġġoranza tax-xogħlijiet tar-rikostruzzjoni jitlestew matul ix-xhur tas-sajf meta l-baħar ikun għadu aktar kalm, dan minħabba s-sigurtà tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ambjent marittimu.
It-twaqqigħ u t-tindif tal-istrutturi bdew matul ix-xhur li għadda u bħalissa qegħdin jiġu ffurmati l-istrutturi.
Il-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena.
Intant, hemm pjanijiet għal proġetti oħrajn f’din il-bajja, filwaqt li qed jinbnew żewġ mollijiet oħra mill-ġdid f’taż-Żonqor b’investiment ta’ madwar €840,000.