Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qiegħed iniedi proġett ta’ €2.5 miljun sabiex itejjeb partijiet minn Triq Aldo Moro, Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass, biex b’hekk jiġu eliminati diversi black spots tal-inċidenti filwaqt li jiġi mtejjeb il-ħin tal-ivvjaġġar matul dawn it-toroq arterjali. Dan l-investiment se jgħaqqad il-proġetti tal-mini tar-roundabout ta’ Santa Luċija u tal-Marsa Junction fl-inħawi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata fi Triq Aldo Moro, mal-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass. Il-proġett se jtejjeb is-sigurtà, l-effiċjenza u l-kwalità tal-aħħar erba’ kilometri li fadal li jsiru fir-rotta arterjali minn Triq tal-Barrani f’Ħal Tarxien lejn il-mini ta’ Santa Venera u l-Bypass tal-Imrieħel. Il-bqija ta’ din il-ħolqa prinċipali minn u lejn in-nofsinhar ta’ Malta qed tiġi mtejba permezz ta’ proġetti oħrajn li għaddejjin bħalissa jew li għadhom se jibdew, fosthom il-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass, it-toroq u l-pontijiet ġodda tal-Marsa Junction Project u l-iżvilupp tal-underpass il-ġdida tar-roundabout ta’ Santa Luċija li tgħaqqad Vjal Santa Luċija ma’ Triq tal-Barrani.
Ix-xogħlijiet preparatorji ta’ dan il-proġett ġdid se jibdew fil-jiem li ġejjin, sabiex ikun jista’ jitlesta fis-sajf qabel tibda s-sena skolastika l-ġdida. Il-proġett jinkludi d-disinn mill-ġdid u t-titjib tal-ħolqa tar-roundabout ta’ Triq Aldo Moro fl-inħawi tas-Salib tal-Marsa, it-twessigħ ta’ partijiet minn Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass, u l-iżvilupp ta’ diversi korsiji dedikati biex jiġu ffaċilitati konnessjonijiet aktar siguri bejn dawn it-tliet toroq arterjali. L-islip road ta’ korsija waħda li tgħaqqad il-karreġġjata ’l fuq ta’ Triq Diċembru 13 mal-Marsa-Ħamrun Bypass se tiġi mwessa’ sabiex takkomoda żewġ korsiji. Bl-istess mod, l-islip road li tgħaqqad il-karreġġjata ’l isfel ta’ din it-triq mal-istess Bypass se tiġi mtejba għal korsija kontinwa sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-ħbit. Il-ħolqa tar-roundabout ta’ Triq Aldo Moro fl-inħawi tas-Salib tal-Marsa wkoll se tkun iddisinjata mill-ġdid biex tiffaċilita konnessjonijiet aktar sikuri.
Minbarra li se jiġu eliminati numru ta’ black spots tal-inċidenti, dawn il-korsiji l-ġodda se jtejbu wkoll il-ħinijiet tal-ivvjaġġar u se jnaqqsu t-tniġġis fl-arja kkawżat mill-vetturi li jkunu qegħdin jistennew f’dawn il-ħoloq.
Postijiet tal-parkeġġ pubbliċi ġodda se jiġu żviluppati fl-inħawi tas-Salib tal-Marsa, filwaqt li nħawi landscaped eżistenti se jiġu mkabbra u msebbħa b’ siġar u pjanti ġodda. Ħamsa u sittin siġra tal-ewkaliptu matul parti minn Triq Diċembru 13, li huma speċi invażiva, se jinbidlu b’113-il siġra indiġena ġdida f’inħawi differenti matul ir-rotta tal-proġett. Numru żgħir ta’ siġar indiġeni li jeħtieġ jitneħħew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, se jiġu mħawla f’inħawi oħra fil-viċin.
Diversi kuntratturi se jkunu qegħdin iwettqu x-xogħlijiet differenti f’partijiet differenti tar-rotta fl-istess ħin. Id-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta qiegħed imexxi dawn ix-xogħlijiet sabiex jillimita t-tfixkil għall-utenti tat-toroq u l-inkonvenjent għar-residenti u n-negozji tal-inħawi. L-utenti tat-toroq huma mħeġġa li jsegwu d-direzzjonijiet indikati mis-sinjali tat-toroq u mill-uffiċjali tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta matul ir-rotta. L-Awtorità qiegħda taħdem ukoll mal-entitajiet konċernati, inkluż l-awtoritajiet ambjentali u l-Kunsill Lokali tal-Marsa, sabiex kontinwament tottimizza l-pjanijiet u l-iskedi tal-implimentazzjoni.
F’kumment dwar dan l-iżvilupp, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Dr Ian Borg spjega li dan il-proġett ġie ppjanat aktar kmieni din is-sena sabiex jindirizza l-aħħar bottlenecks li fadal matul din il-ħolqa bejn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa, Santa Venera u l-Imrieħel. “L-ottimizzazzjoni kontinwa tan-network tat-toroq arterjali tagħna se tiffaċilita t-traġitt ta’ kuljum għal eluf ta’ utenti tat-toroq, filwaqt li telimina diffikultajiet li ilna naffaċċjaw għal ħafna snin. It-titjib tal-kwalità u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq tagħna huwa parti minn pjan fit-tul favur il-kisba ta’ soluzzjonijiet sostenibbli u fit-tul għat-trasport fuq l-art f’Malta u Għawdex. Dan jikkumplimenta investimenti oħra importanti li qegħdin nagħmlu sabiex niżviluppaw u nikkonsolidaw mezzi tat-trasport effiċjenti iżda favorevoli għall-ambjent u sabiex nipprovdu l-inċentivi u r-riżorsi neċessarji biex inħeġġu aktar utenti tat-toroq biex jibdew jużawhom għall-vjaġġi tagħhom ta’ kuljum.”