B’investiment ta’ €180,000, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed taħdem fuq proġett biex madwar 30 residenza f’Baħar iċ-Ċagħaq ikollhom sistema ta drenaġġ hekk kif qabel qatt ma kellhom sistema ta’ drenaġġ.
Il-Perit Beverley Costa qalet li permezz ta’ dan il-proġett il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ser tkun impenjata li tassigura li bosta residenzi ser ikunu qed jitqabbdu mal-bqija tan-network tal-pajjiż u jkollhom main tal-ilma tajjeb għax-xorb imqiegħed.
“Eventwalment dawn ir-residenti issa ħa jkunu mqabbdin man-network tagħna u b’hekk l-użu tal-fossa mhux ser jibqa’ aktar applikabbli u jitneħħew dawn l-inkonvenjenti.”
Din iż-żona ta’ Baħar iċ-Ċagħaq affaċċjat diversi sfidi ambjentali bħal irwejjaħ kbar ta’ drenaġġ matul is-snin minħabba li qatt ma kellhom sistema ta’ drenaġġ adegwata.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda fi Frar li għadda fejn sa issa tqegħed mal-190 metru xogħol ta’ main tal-ilma tajjeb għax-xorb li huma mqabbda ma’ 28 residenza. Filwaqt li mat-30 residenza qed isirilhom tqegħid ta’ main tad-drenaġġ twil 300 metru.
Il-Ministru tal-Enerġija u l-ilma Michael Farrugia fakkar fir-rapport riċenti illi juri b’mod ċar l-ilma ta’ Malta huwa eċċellenti bħala kwalità u saħaq li jinsab impenjat sabiex dan ir-riżultat sabiħ ikompli jiġedded.
“Biex inkomplu inżidu għaddej numru ta’ xogħlijiet madwar Malta u Għawdex bħalissa qegħdin Baħar iċ-Ċagħaq fejn hawnhekk għadu kif saru madwar mijja u tmenin metru xogħol tal-main tal-ilma u madwar tliet mitt metru xogħol ta’ pajpijiet tad-drenaġġ li qed iservu tlietin residenza. Dan ix-xogħol ser ikompli ħalli naċċertaw il-kwalità tal-ilma ta’ baħar ta’ Malta ikun fost l-aqwa fid-dinja.”
Ix-xogħol mistenni li jieħu madwar 7 ġimgħat u mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena.