Proġett ta’ 12-il miljun ewro se jkun qed iżid l-effiċjenza tar-reverse osmosis f’pajjiżna.
Hekk spjega l-ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma, Michael Farrugia waqt żjara li għamel lil madwar il-dsatax-il ħaddiem fl-impjant ta’ Pembrok.. Dan huwa l-ikbar impjant f’Malta li jipproduċi madwar 30% tal-ilma tax-xorb. Madwar 60% tal-ilma tax-xorb li tipproduċi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġej mill-impjanti tar-Reverse Osmosis li jbiddlu l-ilma baħar f’ilma ħelu.
F’Malta s’issa għandna tlett impjanti tat-tisfija tal-ilma baħar u bħalissa qed jinbena r-raba wieħed.
Il-produzzjoni tal-ilma fl-impjant ta’ Pembroke hi ta’ madwar 31,500 metru kubu kuljum, iżda din iċ-ċifra titla għal madwar 37,000 fis-sajf.
Il-Ministru Farrugia sostna: “Ħa jkun qed jibda proġett ta’ €12-il miljun biex tiżdied l-effiċjenza tal-impjanti,tar-reverse osmosis, u ukoll kemm jipproduċu ilma. Qegħdin naħdmu bi pjan, qegħdin naħdmu bi pjan għal wara l-2030 u dan l-investiment illi l-Gvern huwa impenjat illi jkun qiegħed jagħmel anke llum ser ikun qed iwassal biex il-Maltin u Għawdxin ikollhom prodott tal-ilma li huwa aħjar minn dak li huwa llum.”