Dan kien baġit li ra n-nefqa fl-edukazzjoni tkompli tiżdied. In-nefqa fl-edukazzjoni telgħet b’60% biex issa għandna l-ogħla budget tal-edukazzjoni fl-istorja.
Dawn il-proġetti ta’ €10 miljun se jibdew jinfetħu matul din is-sena skolastika u se jkunu fis-Senior Schools kollha madwar Malta u Għawdex. Dan biex l-istudenti jingħataw l-opportunità biex, jekk iridu, jitgħallmu u jitħarġu f’suġġetti vokazzjonali differenti (dawk li qabel konna nsejħulhom snajja’). Fost dawn is-suġġetti hemm: It-Teknoloġija tal-Informatika, l-inġinerija, it-turizmu u l-ospitalità, il-kura tal-ġisem u x-xagħar, il-media, t-tessuti, l-agribusiness, ir-retailing u l-health & social care. B’hekk, studenti li jispiċċaw mill-Form 5 u li ma jkunux iridu jkomplu l-iskola, jistgħu jkunu preparati aħjar għad-dinja tax-xogħol f’diversi setturi.
Se jseħħ ukoll investiment ta’ €500,000 biex tibda taħdem l-Work Based Learning wara l-introduzzjoni ta’ din il-liġi.
F’dan il-baġit rajna l-ewwel pass ukoll biex insaħħu s-sigurtà fl-iskejjel, b’investiment ta’ €280,000.
“Anke hawnhekk iridu naħdmu biex l-iskejjel nagħmluhom siguri u dawk li jgħixu fihom jħossuwhom siguri. M’għandiex minn estrem imorru estrem ieħor u nibnu xi Alcatraz. Il-passi li se nieħdu se jkunu sensibbli biex insaħħu s-sigurtà fl-iskejjel b’mod tajjeb”, saħaq il-Ministru Evarist Bartolo.
Pass ieħor ‘il quddiem huwa l-fatt li l-Gvern se jkun qed ikopri l-miżati tal-eżamijiet tas-SEC u MATSEC b’investiment ta’ €1.5 miljun. Dan ifisser li familja ser tibda tiffranka mal-€200 għal dawn l-eżamijiet. Din kienet spiża sostanzjali u hawnhekk qegħdin ngħinu l-familji, speċjalment dawk bi dħul baxx, biex iħeġġu lit-tfal tagħhom ikomplu jistudjaw u jġibu ċ-ċertifikazzjoni.
Ma nistgħux ma ninnutax l-investiment li qed jingħata lill-Universita’ u lil MCAST li kompla kiber. Din is-sena f’dawn iż-żewġ istituzzjonijiet biss qed naraw investiment ta’ €130 miljun f’dan il-baġit. U dan apparti l-istipendji, li biż-żieda tal-għoli tal-ħajja, se tiżdied in-nefqa minn 29 miljun għal 30.5 miljun ewro. Kemm fl-Università u kemm fl-MCAST se jkomplu l-proġetti kapitali u li għandhom baġit ta’ 13.5 miljun fl-Universita u 9 miljuni fl-MCAST.
Skema ta’ trasport b’xejn kompla jinżel. Illum nista nħabbar li n-numru niżel għal 649. Dan niżel b’terz mill-bidu tas-sena skolastika. Se nkomplu naħdmu biex kull student jingħata t-trasport. B’hekk fl-ewwel xahar tagħha din l-inizjattiva żiedet l-ammont ta’ studenti li jużaw it-trasport kollettiv b’5,000. Dan naqqas b’iktar minn 3,000 karozza mit-triq u sarraf fi 15 il miljun ewro f’valur ekonomiku. Kien hemm minn qalilna għalfejn ma stennejtux sena jew sentejn biex jidħol is-servizz. Ir-realta’ hija li dawk it-12,000 familja li s-sena l-oħra ma kienux iħallsu u dis-sena qedin jieħdu trasport b’xejn illum. 95% moqdija, ser nkomplu naħdmu biex dak il-5% jiżi zero. Dan qalu l-Ministru Bartolo.
Il-Gvern qed jallokka iżjed investiment għal għajnuna lill-iskejjel tal-knisja f’dan il-baġit ukoll. Minn €68 miljun dan l-investiment fil-baġit issa qiegħed jammonta għal €76 miljun.