Ħames proġetti innovattivi ġew magħżula biex jgħinu fit-titjib tal-enerġija u kwalità aħjar ta’ ilma f’Malta u f’Għawdex.
Dawn il-proġetti, li ġew imressqa minn erba’ istituti jew fakultajiet fl-Universita ta’ Malta u mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, se jieħdu bejniethom ftit aktar minn nofs miljun ewro mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ rappreżentant ta’ wieħed minn dawn il-proġetti, bl-isem ta’ ESTELLE, li spjega x’inhu l-għan aħħari tal-proġett tagħhom.
Qal kif, “B’dan il-proġett nixtiequ li naraw sorsi aktar rinovabbli fil-grid ta’ Malta, jiġifieri mill-persentaġġ li għandna bħalissa nixtiequ naraw persentaġġi akbar u niġu dipendenti biss mill-enerġija rinovabbli iktar milli mil-power stations ċentrali. Dak huwa l-għan aħħari iżda baqa’ aktar xi jsir.”
Flimkien ma’ Estelle intgħażlu wkoll il-proġetti IPCosY, PURILMA, WetSoil u SIGMA.
F’kummenti li tat, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza ta’ proġetti simili għall-oqsma kruċjali tal-ilma u l-enerġija.
Spjegat, “Jekk hemm settur li jiddependi ħafna fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni huma s-setturi tal-enerġija u s-settur tal-ilma, b’mod partikolari biex inaqqsu kemm jista’ jkun it-tniġġis. Għandna bżonn inkunu nafu b’aktar ideat innovattivi u għalhekk illum investjena proġetti ta’ riċerkaturi Maltin biex jgħinuna noħorġu b’innovazzjonijiet fejn jidħlu dawn l-oqsma.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici faħħar inizzjattivi innovattivi li jinbtu sforz il-ħsieb tal-bniedem.
Qal, “Aħna rridu li f’pajjiżna jkollna ekosistema robusta ta’ innovazzjoni li tfisser li aħna nagħtu dak kollu li nistgħu biex ikollna riċerka u innovazzjoni f’pajjiżna kif għamlet l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma illi mill-Fondi tagħha qed tiffinanzja numru ta’ proġetti ta’ riċerka f’oqsma li jagħmlu differnza fil-ħajja tal-poplu.”