L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tibda proġett pilota ma’ tliet għaqdiet mużikali fil-Mellieħa sabiex jesebixxu proġetti kulturali bil-għan li eventwalment ikun hemm programm sħiħ għal turisti li jixtiequ jesperjenza il-ħajja Melliħija.
Il-Choral and Orchestral Society Maria Bambina, is-Soċjetà Filarmonica La Vittoria u l-Għaqda Mużikali Imperial se jkunu l-għaqdiet parteċipi fil-proġett, bil-Kap Eżekuttiv tal-MTA Johann Buttigieg jgħid li l-ħidma se twassal il-kultura Maltija lit-turisti b’mod differenti.
Huwa qal, “It-turisti ma jiġux biss għax-xinxilli, ma jiġux biss għall-baħar imma propju jiġu biex jaraw kif il-Maltin jgħixu u din hija waħda mis-sistemi kif jaraw li l-Maltin jgħixu u prattikament jaraw il-kultura tagħna lkoll.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq li dan huwa mod ieħor kif tingħata għajnuna lil aktar għaqdiet volontarji sabiex ikunu aktar parteċipi fil-qasam turistiku ukoll.
Huwa sostna: “Irrid nara li dan il-proġett pilota jitwessa’ għal iżjed lokalitajiet sabiex b’hekk nimxu paripassu mal-istrateġija tat-turiżmu ta’ pajjiżna fejn il-kultura tkun parti intrinsika u waħda mill-pilastri ewlenin li fuqha nagħtu garanzija għal futur għal settur tat-turiżmu sostenibbli.”