B’investiment ta’ €250,000 tnieda proġett pilota sabiex entitajiet pubbliċi u dawk edukattivi jkunu jistgħu jagħmlu riċerka ta’ eċċellenza f’setturi li għadhom ġodda.
Dawn l-entitajiet se jingħataw massimu ta’ ħamsin elf ewro għal kull proġett u għandhom sena ċans sabiex ilestu l-proġett.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal kif il-kunsill jemmen li għandu jkun hemm aktar riċerka li tista twassal għall-affarijiet ġodda.
“Il-fond primarjament ħa jikkoraġġixxi l-eċċelenza fis-settur. L-għan aħħari tagħna hu li noħolqu struttura li tkompli tgħin biex titfa s-settur tar-riċerka u innovazzjoni fl-aktar parti għolja, kif jixraqilha tal-aġenda lokali.” Saħaq Pullicino Orlando.
Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo qal kif ir-riċerka u l-innovazjoni huma niċċa importanti sabiex tissaħħaħ l-ekonomija Maltija.
“Dan il-programm tal-lum huwa importantismu sabiex b’hekk inħeġġu iktar żgħażagħ jħarsu lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala l-karriera tagħhom u b’hekk inkunu qegħdin ngħinu wkoll sabiex niftħu niċeċ ekonomiċi ġodda illi jkomplu dejjem joffru opportunitajiet ta’ xogħol għall-futur tal-ekonomija ta’ pajjiżna.” Temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bartolo.