Jumejn qabel il-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż u t-Traffikar tad-Droga, ingħataw dettalji dwar proġett pilota mmirat lejn dawk li jabbużaw mill-eroina; proġett pilota li se jinvolvi alternattiva għall-methadone f’forma ta’ pillola.
Fiċ-ċentru tad-Detox imorru kuljum bejn sitt mija u seba’ mitt persuna, li qed jieħdu l-kura mill-vizzju tad-droga.
B’din il-pillola, imsejħa buprenorphine, dan in-numru jista’ jonqos b’mod sostanzjali, għalkemm huwa proċess kumpless għax mhux kulħadd jista’ jaqleb minn fuq il-methadone għal din il-mediċina.
F’konferenza tal-aħbarijiet fli saret fiċ-ċentru tad-Detox fi Gwardamanġa, ġie spjegat kif din il-pillola diġà teżisti u tintuża f’ċerti każijiet, imma l-pazjent irid iħallas għaliha hu u tiswa ħafna flus.
Issa, il-Gvern qed jieħu l-impenn biex jintroduċi dan il-proġett pilota sabiex din il-pillola tibda tingħata b’xejn lil kull min jista’ jeħodha.
It-tabib tal-Aġenzija Sedqa, Gianluca Bezzina, spjega x’għandha differenti din il-pillola mill-methadone.
“Hija iktar safe. L-effetti tagħha jserrħulna moħħna daqsxejn iktar, in a way, għaliex hemm inqas riskju ta’ overdose milli bil-methadone, u l-ikbar vantaġġ huwa li, għall-kuntrarju tal-methadone, il-pazjenti li jiġu hawnhekk kuljum, nistgħu nagħtuha iktar fit-tul.”
It-tabib Bezzina kompla jispjega kif, għall-kuntrarju tal-idea żbaljata ta’ ħafna, dan iċ-Ċentru jara ħafna stejjer ta’ suċċess. Is-suċċess f’dawn il-każijiet ma jitkejjilx bil-fejqan, imma bil-kontroll tal-vizzju u tad-dipendenza fuq is-sustanzi.
“Aħna nkunu nistgħu, b’mod iktar faċli, we achieve that success li pazjent jerġa’ jingħaqad fis-soċjetà għax għandu pirmla li qed jieħu kuljum fil-kumdità tiegħu. Jista’ jmur ix-xogħol, jista’ jkun mal-familja u jeħodha bħalma wieħed jieħu pinnola tal-pressjoni jew tad-dijabete.”
Il-Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali, Michael Falzon, faħħar il-mod li bih jopera dan il-post, b’tim multidixxiplinarju ta’ erba’ tobba, tmien infermiera, żewġ ħaddiema soċjali, u spiżjara.
Il-Ministru esprima l-fiduċja tiegħu li dan il-proġett pilota għandu jnaqqas il-ġudizzju fil-konfront ta’ dawn il-persuni, li minkejja li jkollhom bżonn kuraġġ kbir biex jersqu ’l quddiem għall-għajnuna, ħafna drabi jispiċċaw jiġu ġġudikati mis-soċjetà.
“Qed inħarsu ’l quddiem li nibdew dan il-proġett biex, minflok il-methadone, li hija f’forma likwida, nagħtu l-kura f’forma ta’ pillola. Din għandha sservi biex tnaqqas l-iskariġġ, tnaqqas il-pressures, u fuq kollox tgħin lill-individwi li għandhom bżonn l-għajnuna li jkun aktar faċli għalihom li jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà.”