L-iskart organiku ġġenerat mill-istabbilimenti tal-ikel ser jinbidel f’sors ta’ enerġija nadifa.
Dan permezz ta’ proġett pilota li tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Il-proġett li mistenni jibda mis-7 ta’ Mejju, ser jara l-ġbir ta’ skart organiku isir bejn is-siegħa u l-ħamsa ta’ filgħodu nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd.
B’hekk ser ikun parti mill-Pjan fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart sal-2030 u ser jaħdem billi l-istabbilimenti jisseparaw l-iskart tagħhom u jitpoġġa f’kontenituri b’tabella biex tkun evitata l-kontaminazzjoni.
Il-bars u ristoranti kummerċjali kollha diġà ġew avżati permezz ta’ ittra mibgħuta lilhom bl-informazzjoni meħtieġa ħalli b’hekk ikunu jistgħu jħejju għal dan il-proġett.
L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ser tkun qed tikkollabora mal-Ministeru għall-Enerġija fit-tmexxija ta’ dan il-proġett.
Intant, il-President tal-assoċjazzjoni, Mario Fava stqarr kif kien il-pass naturali għal dan il-proġett li jkun estiż għall-istabbilimenti kummerċjali li jiġġeneraw ammont sostanzjali ta’ dan it-tip ta’ skart.
Qal, “Dan qed isir għaliex nemmnu bis-sħiħ illi bħal ma sar fil-lokalitajiet kollha ġewwa Malta u Għawdex, issa kien imiss il-lukandi u r-ristoranti illi jipparteċipaw f’dan il-proġett. Nemmnu illi proġett bħal dan ħa jwassal biex ikollna aktar ġenerazzjoni ta’ enerġija aktar nadifa għax nemmnu bis-sħiħ li l-iskart huwa riżorsa importanti li pajjiżna għandu bżonn juża aktar.”
Il-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli stqarret kif permezz tal-proġett mistennija li jintlaħqu żewġ miri importanti fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.
Qalet, “Nemmen li b’dan il-mod inkunu qegħdin nilħqu żewġ miri. Inkunu qegħdin nimxu ‘l quddiem biex nilħqu l-miri tagħna ta’ fejn jidħol is-separazzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ tal-iskart u nkunu qed inkomplu fil-mixja tagħna biex dan il-pajjiż naraw li nkunu qegħdin nipproduċu aktar enerġija nadifa.”