Proġett pilota mniedi mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma se jgħin lill-għaqdiet volontarji jtejbu l-operat tagħhom billi jinstallaw sistema li tidentifika telf ta’ ilma mingħajr ħlas.
L-inizjattiva, li se tiftaħ f’nofs dan ix-xahar, se tipprovdi lil min japplika u jintgħażel, apparat li jiswa madwar ħames mitt ewro biex jgħin fil-monitoraġġ tal-ilma u jidentifika telf ta’ ilma.
L-għan ta’ dan il-proġett pilota hu li jifhem aħjar kif l-għaqdiet volontarji jistgħu jnaqqsu l-ħela tal-ilma. Dan l-apparat se jkun integrat mat-tankijiet tal-ilma fil-binja tal-għaqda, u se jimmonitorja kontinwament l-ilma u jidentifika jekk ikunx hemm telf ta’ ilma.
Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Manuel Sapiano.
Fil-Palazz ta’ Santa Marija fl-Imqabba, is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Gorg V, uriet l-investiment li għamlet f’operazzjonijiet sostenibbli grazzi għall-appoġġ tal-Aġenzija.
Din l-għaqda volontarja kienet waħda minn 40 organizzazzjoni li bbenefikaw minn skemi offruti mill-istess Aġenzija fl-aħħar sentejn.
Il-Kap Eżekuttiv Manuel Sapiano qal li huwa inkoraġġanti jara l-interess dejjem jikber fl-iskemi tal-Aġenzija mmirati lejn għaqdiet volontarji.
“Din l-iskema se tinvesti permezz ta’ tagħmir żgħir li jitwaħħal fil-pajpijiet tal-ilma, fejn l-ilma jkun nieżel minn fuq it-tank ta’ fuq il-bejt u dan it-tagħmir jinduna jekk hemmx leakages fis-sistema tal-binja li tuża l-għaqda volontarja.”
Il-Ministru Dalli ħeġġet lill-għaqdiet volontarji biex jagħmlu użu minn prattiċi sostenibbli u b’hekk ikunu qed jikkontribwixxu fil-konservazzjoni tar-riżorsi.
“Meta rajna l-interess li kien hemm mill-għaqdiet volontarji, l-impenn tagħna huwa li nkomplu ngħinu lil kemm jista’ jkun għaqdiet volontarji biex anki huma jkunu parti minn din it-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, enerġija aktar nadifa li qegħdin nagħmlu bħala pajjiż.”
L-applikazzjonijiet għal din l-inizjattiva ġdida se jibqgħu miftuħa sat-13 ta’ Settembru.