Anzjani, li f’ħajjithom xtaqu jwettqu xi proġett marbut mal-mużika, iżda ma kellhomx l-opportunità, issa jistgħu jagħmlu l-ħolma tagħhom realtà, hekk kif id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità nieda inizjattiva ġdida bl-isem ta’ ‘Qatt Mhu Tard’.
L-għan tal-inizjattiva hu, kif jixhed isimha, li turi lill-anzjani li qatt mhu tard biex iwettqu l-ħolm tagħhom.
Mill-iskema, li għaliha ġew allokati għaxart elef ewro mill-Gvern, kull proġett jista’ jirċievi sa massimu ta’ elf ewro. Eventwalment, hemm il-ħsieb li dan il-proġett pilota, jiġi estiż għal aktar setturi u jingħataw aktar fondi, fosthom għal proġetti letterarji, ta’ drama u snajja’.
Joe Aquilina, anzjan irtirat ta’ tnejn u sebgħin sena, hu l-moħħ wara l-iskema u se jkun l-ewwel wieħed li jibbenefika minn dawn il-fondi biex iwettaq il-ħolma tiegħu.
“Permezz ta’ din l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern, jiena se nipproduċi għaxar kanzunetti bil-Malti ħafna minnhom, imma hemm xi wħud Malti u Ingliż, bilingual, biex jitgawdew mill-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada. Li kieku ma kienx hekk, kieku jibqgħu mitfugħin fil-kexxun tiegħi.”
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Renzo DeGabriele, spjega kif hemm bord apposta biex jevalwa l-applikazzjonijiet li jidħlu.
“Se jkun hemm bord li jara l-proġett kemm hu sod, jaraw x’inhu l-għan tal-proġett, x’inhu l-proċess biex wieħed jasal għall-proġett, kif ħa twasslu għal tmiemu, u minn hemm, aħna navviċinaw lill-applikant. Jista’ jkun persuna waħdu jew japplika f’isem grupp, jiġifieri hija miftuħa, l-importanti li jkollhom aktar minn ħamsa u sittin sena.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, sostna li l-anzjani huma librerija umana u, bi proġetti bħal dawn, mhux biss jużaw il-ħin tagħhom biex iwettqu dak li xtaqu matul ħajjithom, imma jaqsmu l-għarfien tagħhom mal-ġenerazzjonijiet futuri biex is-soċjetà timxi ’l quddiem.
“Ikollok riskju li jaqgħu fis-solitudni u dak hu parti kruċjali li aħna rridu naraw li ma jaqgħux fis-solitudni u rridu naraw li jaħdmu magħna u ngħinuhom, b’inizjattivi bħal dawn, biex joħorġu minn ġo dik il-qoxra li, sfortunatament, biċċiet minnhom ikunu ngħalqu fiha, biex jerġgħu jaraw l-iskop u s-sabiħ tal-ħajja.”
Wieħed jista’ japplika fuq is-sit elettroniku aacc.gov.mt, iċempel fuq in-numru 153 jew iżur xi wieħed miċ-ċentri tal-anzjanità attiva madwar il-pajjiż.