Ftehim bejn il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ministeru għall-Edukazzjoni se jwassal għal aktar tħaddir fl-ambjent tal-iskejjel madwar pajjiżna.
L-ewwel proġetti ta’ tħaddir urban se jsiru fl-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel, li hija parti mill-Kulleġġ Maria Tereża, u l-iskejjel primarji ta’ Marsaxlokk u ż-Żejtun, li jagħmlu parti mill-Kulleġġ San Tumas Moore.
Fil-Jum Internazzjonali tat-Tfal, fl-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel, il-Ministru Aaron Farrugia spjega li x-xogħol li se jsir f’dawn it-tliet skejjel huwa parti minn proġett pilota u l-ħsieb hu li ’l quddiem jinfirex fi skejjel oħra madwar pajjiżna.
Qal, “Huwa mod ta’ kif qed inħaddru s-soft areas ta’ dawn l-iskejjel u l-madwar, parti minn pjan fit-tul tagħna li nħaddru ż-żoni urbani. Iż-żona fejn ngħixu, fejn naħdmu u wkoll fejn it-tfal tagħna jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum.”
Il-Ministru Justyne Caruana qalet kif b’dan il-proġett, l-istudenti se jkollhom ambjent aħjar fl-iskejjel li jattendu ta’ kuljum.
Spjegat, “Ftehim importanti li lħaqna bejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada u Ambjent Malta sabiex inniedu proġett pilota fi tliet skejjel, ħalli jkollna prattiċi tajbin, fejn jidħol l-ambjent, is-sostennibilità u t-tibdil fil-klima.”