F’għeluq is-sentejn minn din il-leġislatura, ittella’ kabinett man-nies, din id-darba mal-anzjani, fir-residenza San Vincenz de Paul.
Matul il-laqgħa, fil-preżenza ta’ bosta anzjani li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar proġett pilota li permezz tiegħu l-anzjani se jirċievu kura intermedjarja aktar immedjata f’din l-istess residenza.
“Illum qiegħed f’qagħda li nħabbar li fil-ġranet li ġejjin se jkun qed jiskatta proġett pilota li se jkun qed ibiddel l-għoti tas-servizz tas-saħħa lill-anzjani tagħna hekk kif nafuh illum. Sala hawnhekk ġewwa San Vincenz se tkun qed tinbidel fwaħda ta’ intermediate care. Dan ifisser li meta anzjan jew anzjana li tkun qed tgħix ġewwa home jkollha bżonn il-kura, ma jkollhiex għalfejn tmur fid-dipartiment tal-emerġenza fl-Isptar Mater Dei iżda tiġi hawnhekk u tingħata l-kura u meta tfieq tista’ tmur lura ġewwa l-home tagħha.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Dan il-proġett pilota se jibda b’kollaborazzjoni ma’ żewġt idjar tal-anzjani u wara li jiġu analizzati r-riżultati jinfirex ukoll ma’ dawk l-anzjani li jgħixu fil-qalba tal-komunità. Fil-fatt Dr Abela sostna li dan huwa eżempju ieħor ta’ kura u għajnuna speċjalizzata.
Dr Abela rrefera għall-proġetti li saru diġà f’San Vincenz de Paul, fosthom l-investimenti f’apparat mediku, l-immodernizzar ta’ diversi swali kif ukoll il-ġnien għall-anzjani bid-dimensja. Dan minbarra investimenti oħra li qed isiru fid-djar tal-anzjani fosthom it-tlestija tad-dar tal-Furjana u l-ħruġ tat-tender għad-dar tal-anzjani f’Bormla.
Il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern kompla jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija, offra stabbiltà fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali, daħħal aktar mediċini fuq il-formularju tal-Gvern, żied il-pensjonijiet u daħħal mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. Dan filwaqt li ma daħħal l-ebda taxxi ġodda.
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu b’messaġġ – li l-Gvern huwa kommess li jibqa’ jilħaq livelli dejjem ogħla fil-qasam tal-anzjani, mhux biss fl-għoti tas-servizzi iżda wkoll fil-kwalità tal-ħajja u l-mod dinjituż li l-anzjani għandhom jgħixu f’pajjiżna.
“Li anzjan iħossu li jista’ jgħix ħajja komda jekk huwiex fi sptar, jekk huwiex f’residenza tal-anzjani, jekk huwiex qed jibqa’ jgħix fil-komunità, jgħix fejn jgħix. L-anzjani tagħna nemmen li għandhom igawdu minn kwalità ta’ ħajja tajba b’aċċess għas-servizzi kollha ta’ saħħa li jkun wieħed b’xejn u pensjonijiet li jkunu dejjem ogħla.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Sadanittant il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela qal li biex l-anzjani jgħixu ħajja komda jeħtieġ li jkollhom is-serħan il-moħħ.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea tenna li flimkien se nkomplu nitkellmu man-nies favur Malta u niesha.
Matul din il-laqgħa tkellmu wkoll numru ta’ anzjani fuq l-esperjenzi tagħhom u mal-membri tal-Kabinett iddiskutew il-kwalità tal-ħajja, il-parteċipazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol u l-involviment tagħhom fil-komunità.