Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità beda proċess ta’ awditjar u monitoraġġ tal-feriti li jkollhom ir-residenti li jgħixu fid-djar tal-anzjani tal-Gvern.
Il-Ministru Farrugia qal li wara l-ewwel pass, li l-anzjani residenti fid-djar tal-anzjani u San Vinċenz de Paul kif ukoll il-ħaddiema tlaqqmu kontra l-Covid-19, issa se mexjin lejn it-tieni pass, dak li jinfetħu s-servizzi ġodda u jsir awditjar tas-servizzi li nagħtu biex naraw kif nistgħu ntejbuhom.
Huwa saħaq li dan l-ewwel proċess se jgħin biex jiġi stabbilit livell ta’ kura aħjar għall-anzjani li jgħixu fid-djar residenzjali tal-Gvern.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali, il-Ministru spjega li permezz ta’ dan il-monitoraġġ, il-feriti se jkunu maqbudin fi stadju bikri.
Barra minn hekk, permezz ta’ analiżi tal-kawża, se jkunu jistgħu jiġu aġġornati protokolli eżistenti, kif ukoll implimentati protokolli ġodda li jsarrfu f’kura aħjar għall-anzjani.
Il-Ministru qal li wara perjodu ta’ madwar sitt xhur, dan il-proġett pilota se jiġi analizzat, bil-ħsieb li jkun jista’ jiġi implimentat fid-djar residenzjali kollha tal-anzjani.