Il-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija ddikjarat in-naħla indiġena f’pajjiżna bħala l-insett nazzjonali, hekk kif wasal fil-qofol tiegħu proġett appoġġjat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, l-MCVS.
L-għan primarju ta’ dan il-proġett hu li jippromwovi din id-dikjarazzjoni bil-produzzjoni ta’ filmati professjonali edukattivi kif ukoll numru ta’ taħditiet fil-kunsilli lokali u dawk reġjonali.
Dan il-proġett, li beda f’Ottubru 2023, sar b’investiment ta’ €4,000 b’parti mill-fondi allokati mis-Small Initiative Support Scheme amministrati mill-Kunsill Malti tal-Volontarjat.
Dylan Farrugia, wieħed mill-amministraturi tal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija, sostna l-importanza tal-fondi lejn it-twettiq ta’ dan il-proġett.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, ukoll qal li hu ta’ pjaċir li jinnota l-varjetà kbira ta’ proġetti li jiġu ffinanzjati bl-iskemi tal-Kunsill.
“Permezz tal-fondi tagħna, għal darb’oħra, qegħdin ngħinu għaqda, din id-darba mhux biss biex tkun qed taħdem fil-komunità, imma wkoll biex tiċċelebra n-naħla Maltija, jiġifieri tiċċelebra dak li hu Malti. Allura importanti li naraw li s-settur tal-volontarjat, permezz tal-fondi mgħejjuna bihom, ikunu jistgħu wkoll jagħmlu servizz akbar fuq livell nazzjonali li jeħduh anke lil hinn minn xtutna.”
Mauro Pace Parascandolo, Kap Eżekuttiv, MCVS
Min-naħa tagħha, il-Ministru responsabbli mill-qasam tal-volontarjat, Julia Farrugia, saħqet kif dan il-proġett hu wieħed interessanti mmens, għax l-insett nazzjonali qed jingħata l-prominenza li jixraqlu.
“Dan il-proġett hu wieħed mill-aktar interessanti, għax rajna kif grupp ta’ żgħażagħ ħadmu flimkien biex l-insett nazzjonali, in-naħla Maltija, tieħu dehra fuq pjattaforma internazzjonali u nkunu nistgħu nimbottaw l-importanza ta’ dan l-insett.”
Ministru Julia Farrugia