Tlesta proġett li żviluppa soluzzjonijiet bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali għall-bdoti, bl-isem ta’ Smart Artificial Pilot.
Il-proġett irċieva madwar €200,000 grazzi għall-programm tar-riċerka u l-innovazzjoni nazzjonali, imsejjaħ Fusion.
Il-proġett indirizza żewġ probemi li jistgħu jseħħu waqt titjira: it-telf tal-kontroll u t-telf tal-għarfien.
Għaldaqstant, il-proġett ħareġ b’soluzzjonijiet li jgħinu lill-bdoti jifhmu aħjar dak li jistgħu jagħmlu jekk l-awtomazzjoni tfalli.
Is-Segretarju Parlamentari, għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li dan huwa pass li jqarreb lill-bniedem lejn it-teknoloġija.
Qal, “Hawnhekk qed naraw li, permezz tal-għajnuna li ta l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija – qed nitkellmu fuq għajnuna finanzjarja ta’ madwar mitejn elf ewro b.n l-Università ta’ Malta u l-industrija – qed naraw li permezz ta’ dawn il-fondi ġew megħjuna biex ġiet żviluppata din it-teknoloġija, anke permezz tal-Intelliġenzja Artifiċjali, biex hekk tiżdied is-sigurtà fil-vjaġġi fl-ajru.”
Iċ-Chairman tal-MCST, Dr Tonio Portughese, qal li l-MCST se tkompli sservi bħala katalist fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Qal, “Dejjem qegħdin nippruvaw nippromwovu, iIħeġġu l-innovazzjoni u nagħtu l-appoġġ kollu, f’dan il-każ anke finanzjarju, sostanzjali, biex ikunu żviluppati proġetti innovattivi.”
L-Inġinier Jason Gauci, riċerkatur ta’ SmartAP, qal li l-programm wera ftit mill-benefiċċji li l-Intelligenza Artifiċjali tista’ ġġib fil-kabina tal-bdoti.
Qal, “Qed naraw kif nistgħu ndaħħlu t-teknoloġija tal-Artificial Intelligence ġewwa l-cockpit. Mhux proċess faċli li ddaħħal din it-tip ta’ teknoloġija, minħabba s-sigurtà li hemm bżonn fl-ajruplan.”