Wara l-approvazzjoni tal-proġett għall-bini ta’ kumpless sportiv fl-Università ta’ Malta se jiskatta l-proċess tat-tenders sabiex kmieni s-sena d-dieħla jibda x-xogħol tal-kostruzzjoni. Il-proġett mistenni jitlesta qabel il-logħob tal-pajjiżi ż-żagħar fl-2023.
B’dan il-kumpless l-Università se toffri edukazzjoni fiżika aktar ħolistika u ssaħħaħ ir-riċerka fis-settur sportiv. Dan se jkollu trakka tal-atletika daqs dik tal-Marsa, grawnd tal-futbol u anke courts tal-isquash.
Il-Perit inkarigat minn dan il-proġett, Christopher Spiteri, spejga ma’ ONE news l-investiment li se jsir f’dan il-proġett.
“Il-proġett innifsu se jkun fih facilities għar-riċerka fl-isports voldieri anke f’dak il-qasam huwa importanti għall-Università”
Taħt it-trakka se jinbena parkeġġ għal aktar minn elf karozza.
“Il-kalkoli tagħna huwa li ħa jiswa qrib il-25 miljun li għaxar miljuni minnhom ġejjin minn naħa tal-Planning Authority għal car park”
Ir-rettur tal-Università l-Professur Alfred Vella qal li dan il-kumpless ilu mixtieq mill-Università biex tkun tista’ toffri programm edukattiv aħjar fl-isport.
“Kwalunkwe Università importanti għandha l-isporting facilities tagħha parti integrali mill-infrastruttura tagħha. Studenti kultant jagħżlu li jmorru jistudjaw f’università flok f’oħra ibbażat anke fuq kemm huma atrezzati fl-isport. Jiġifieri aħna verament konna qegħdin nistennew dan l-iżvilupp, ħalli nerġa’ ngħid inkunu nistgħu nagħtu lill-istudenti tagħna dak li jixirqilhom”
Dan il-proġett se jwassal ukoll biex l-isport jittieħed b’aktar serjetà u bħala professjoni.
“Irrid ngħid ukoll illi dan l-iżvilupp jaqbel ukoll mal-miri tagħna fejn ngħinu u nissaportjaw lill-istudenti atleti li jkunu ġejjin mill-iskejjel sekondarji, ħalli meta jiġu fis-6th form, l-ewwel xogħol, fejn jaqilgħu daqqa normalment l-isfel u jabbandunaw l-isport biex jiffukaw fuq l-istudji u din ma rriduhiex tibqa’ ssir u ħadna passi biex propju nħajruhom u nħeġġuhom u nagħmluhielhom aktar faċli.”