‘ARTruistic 360 Rebranding Volunteering’ – proġett tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija taż-Żebbuġ Għawdex li għandu l-għan li jeduka u fl-istess ħin jiċċelebra l-ħidma tas-Settur tal-Volontarjat, hekk kif dan il-proġett qed issir permezz ta’ fondi mill-iskema tal-Proġetti ta’ Organizazzjonijiet Volontarji amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.
Permezz ta’ dan il-proġett is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija ser tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-kommunità sabiex tmexxi ‘l quddiem l-arti u l-mużika b’mod vonontarju.
Fost l-inizjattivi li jinkludi dan il-proġett hemm wirja permanenti ta’ ritratti relatati mal-kontribut volontarju tal-membri fi ħdan is-soċjeta, kif ukoll inbena ‘multi-performance stage’ mill-membri voluntiera tas-Soċjetà u li se jkun qed jintuża biex jittellgħu produzzjonijiet teatrali u mużikali fiż-Żebbuġ Għawdex.
Il-proġett ġie nnawgurat mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fejn faħħret l-impenn tal-każini tal-baned, li qed iżommu ħajja l-kultura tal-mużika f’ pajjiżna filwaqt li qed iservu ta’ pjattaforma fejn, b’ mod altruwistiku, persuni differenti jgħattu mill-ħin liberu tagħhom u b’ hekk issedqu l-volontarjat.
Il-Ministru tenniet l-apprezzament tal-gvern għall-ħidma li jwettqu l-għaqdiet volontarji f’ pajjiżna f’ setturi differenti tal-ħajja u li minnhom jibbenefika kulħadd.
Ritratt: George Scerri – MGOZ