Il-Gvern ħabbar l-implimentar tal-proġett ta’ koimmaniġġjar tas-sajd ma’ diversi pajjiżi fil-Mediterran u fl-Ewropa.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’San Pawl il-Baħar, il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo spjega li l-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li s-sajjieda jipparteċipaw u jkollhom sehem fl-immaniġġjar tas-sajd b’mod partikolari taż-Żoni Marittimi Protetti.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd, Bjorn Callus qal li s-sajjieda se jkunu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet: “Apparti l-organizzar ta’ seminars fejn f’setup iktar li wieħed jista’ jikkonċentra u jitkellem u jħabbat l-ideat aħna min-naħa tagħna se mmorru fil-komunitajiet tas-sajd, ħa noħorġu fuq il-baħar magħhom, anke mid-data li jkollna aħna permezz tat-tagħmir tagħna, ħa nkunu nafu fejn huma l-fishing grounds, kemm imorru, fejn imorru, x’jinqabad fis-sens li jkollna l-istampa verament ċara.”
Ir-Riċerkatriċi fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd, Alicia Bugeja Said irrimarkat li proġett bħal dan jassigura qasam sostenibbli għall-futur.
Hija stqarret: “Se nimplimentaw diskussjoni dwar il-konservazzjoni għax huwa kruċjali li l-vuċi tas-sajjied, il-perspettiva tiegħu u l-isfidi li jaffaċċja fuq il-baħar ikunu parti integrali mill-policies li nfasslu bħala pajjiż.”
Il-Ministru Anton Refalo qal li dan il-proġett jixhed l-impenn tal-Gvern fil-qasam tas-sajd: “Dan il-proġett li rrid ngħid huwa wieħed reġjonali huwa proġett importanti għaliex se jagħti leħen lis-sajjied speċjalment dak ta’ skala żgħira fejn aħna lis-sajjied se nfehmuh x’inhuma l-miżuri u r-restrezzjonijiet.”