Ix-xogħlijiet fit-trakka tal-motorsport f’Ħal Far għaddejjin ġmielhom b’mod effiċjenti u mgħaġġel. Dan kif ġie nnotat ukoll fuq il-paġna ta’ Facebook tal-assoċjazzjoni Motorsport Malta, fejn irrimarkat li l-proġett m’għadux ħolma, kif kien għal għexieren ta’ snin, għax ix-xogħol hu viżibli u reali.
L-għaqda wkoll qalet li l-proġett hu ġenna tal-art, għax se jiżviluppa aktar inkoraġġiment fit-talent għad-dilettanti żgħar, li wkoll diġà qed jiksbu riżultati impressjonanti barra pajjiżna.
Kif irrapportat ix-xahar li għadda, l-ewwel xogħlijiet infrastrutturali kienu ffokati fuq numru ta’ tibdiliet fil-faċilitajiet u t-trakka tad-Drag Racing biex eventwalment tiġi ċċertifikata mill-Federazzjoni Internazzjonali Awtomobilistika, l-FIA.
Dan il-proġett nazzjonali, li se jinvesti mal-€20 miljun f’din id-dixxiplina sportiva, mistenni jospita talent internazzjonali, waqt li jissodisfa l-aspettattiva tas-sewwieqa u d-dilettanti lokali.