Bil-għan li s-sewwieqa tal-muturi jkunu aktar siguri fit-toroq, il-proġett Ride and Safe, li sar fi ħdan l-Università ta’ Malta huwa mmirat li jagħmel is-sewqan tal-muturi aktar komdu.
Dan il-proġett li qed isir b’kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta, kumpanija privata u fondi mill-Kunsill għax-Xjenza u t-Teknoloġija, huwa ddisinjat biex joffri simulazzjoni fi Triq il-Kosta, hekk kif din hija triq frekwentata mis-sewwieqa tal-muturi.
Il-Professur u Inġinier, Philip Farrugia spjega kif dan il-proġett, apparti li għandu l-potenzjal biex jagħmel it-toroq aktar siguri, jista wkoll jiġi kummerċjalizzat, u anke esportat barra minn pajjiżna.
Huwa stqarr: “Aħna nixtiequ li dan is-simulator jintuża f’showrooms tal-muturi, biex meta sewwieq imur jixtri mutur, minflok jaqbad u jagħżel mutur, ikun jista’ l-ewwel jagħmel xi testijiet, jara l-esperjenza tiegħu tas-sewqan kif tkun, ovvjament b’mod virtwali, u skont l-arranġamenti li jkun sar fuq il-mudell tal-mutur, ikun jista’ jagħmel deċiżjoni aħjar ta’ liem l-iktar mutur jgħodd għalih.”
Intant waqt żjara fl-Università, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, sostna li dan il-proġett huwa xempju tat-talent Malti, u bl-għodda u l-fondi neċessarji dan it-talent jista’ jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu.
Il-Ministru Bonnici qal, “Jien nemmen li meta tgħaqqad it-talent straordinajru tal-Maltin, l-opportunitajiet ta’ finanzjament bir-riċerka, kif ukoll is-sapport tal-industrija privata, nkunu nistgħu nagħmlu ħafna affarjiet tajbin ħafna flimkien.”