Anzjani u studenti tas-sixth form f’Għawdex kellhom l-opportunità li jipparteċipaw fi proġett uniku li kien maqsum fi tliet partijiet u sar b’kollaborazzjoni bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, il-mużew ‘Il-Ħaġar’, Sir M.A. Refalo Sixth Form u Heritage Malta.
Fl-ewwel parti tal-proġett, bit-tema ‘Museum Connections: A Creative Journey Across Generations’, is-Sur Mario Cassar, għalliem tal-Arti f’Sir M.A. Refalo Sixth Form, wassal tagħrif lill-anzjani dwar kif wieħed għandu janalizza u jistħarreġ opri tal-arti. Min-naħa tagħhom, l-anzjani li attendew għal din is-sessjoni għażlu waħda mill-opri tal-arti li jinsabu fil-mużew ‘Il-Ħaġar’ u kitbu deskrizzjoni dettaljata tagħha. Wara dawn ġew mgħoddija lill-istudenti tal-arti f’Sir M.A. Refalo Sixth Form, u bħala wieħed mill-proġetti akkademiċi tagħhom ġew mitluba biex jirreplikaw din il-biċċa arti billi jibbażaw ix-xogħol tagħhom fuq id-deskrizzjoni li taw l-anzjani.
Fit-tieni parti, li saret ukoll fil-mużew ‘Il-Ħaġar’, il-parteċipanti anzjani u l-istudenti ltaqgħu flimkien biex jaraw u jiddiskutu x-xogħol li għamlu l-istudenti tal-arti bbażat fuq il-kitbiet li l-anzjani għamlu waqt l-ewwel sessjoni. Flimkien raw liema eżebit tirrappreżenta u ddiskutew kif l-arti tal-istudenti tixbah u/jew tikkuntrasta mal-opra tal-arti eżebita.
Fit-tielet parti tal-proġett, il-parteċipanti kollha kienu mistiedna jżuru t-tempji tal-Ġgantija u waqt iż-żjara ngħaqdu magħhom studenti oħra li bħalissa qed jistudjaw l-Istorja. Minbarra spjegazzjoni minn kuratur ta’ Heritage Malta, il-parteċipanti ġew imħeġġa jiddiskutu flimkien temi relatati ma’ dan il-post storiku.
Il-Ministru Jo Etienne Abela tenna li proġetti interġenerazzjonali għandhom diversi benefiċċji kemm għat-tfal u/jew żgħażagħ u kemm għall-anzjani. Qal li dawn il-programmi jgħinu biex tissaħħaħ l-għaqda fil-komunità u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, titnaqqas is-solitudni u jkun hemm effett pożittiv fuq is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.
“Inħeġġeġ li jkun hemm aktar interess u kooperazzjoni bejn għaqdiet taż-żgħażagħ u dawk tal-anzjani. Nixtiequ nixprunaw is-sens ta’ responsabbiltà soċjali fil-komunitajiet tagħna u l-arti, il-kultura u l-isport huma biss ftit mezzi biex nilħqu dan l-għan”, temm jgħid il-Ministru Abela.