Riċerka f’pajjiżna frott kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta, l-industrija u sħab minn Sqallija wasslu sabiex ikunu mibnijja proto-tipi ta’ apparat li jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ 30% fil-konsum tal-ilma mid-djar f’pajjiżna.
Il-Professur Maurice Grech mid-Dipartiment tal-Metallurġija u l-Inġinerija tal-materjali fl-Università ta’ Malta spjega kif dan il-proġett jitratta ilma maħmuġ prodott fid-djar sabiex dan ikun jista’ jerġa’ jintuża.
Huwa qal, “Aħna biex nagħmlu eżempju toilet flushing nużaw 24% mill-ilma nużawh għalhekk, filwaqt li ilma li ġej mid-doċċa li ġej mill-washing basis etc jintrema. L-idea ta’ dan il-proġett hija li dan l-ilma li ngħidulu grey water jiġi ttrattat biex nużawh propju għal toilet flushing, irrigation u affarijiet bħal dawn u dan jista’ jwassal għal savings ta’ household up to 30%.”
S’issa ġew prodotti żewġ tipi ta’ proto-tipi, wieħed li jaħdem bir-raġġi tax-xemx filwaqt li l-ieħor jagħmel użu minn raġġi UV artifiċjali.
Permezz tal-proġett bl-isem Micro WaTts minn Interreg Italia-Malta b’investiment ta’ żewġ miljun u nofs ewro minn fondi Ewropej, l-Università ta’ Malta daħlet bi sħab ma’ Consiglio Nazionale delle Richerche, l-MCAST, l-Università ta’ Katanja u żewġ intrapriżi bl-isem ta’ Econetique u Plastica Alfa.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella stqarr kif l-Università tħares ’il quddiem sabiex tkompli żżid dawn it-tip ta’ kollaborazzjonijiet mal-industrija.
Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia stqarr kif l-istat jemmen f’dawn it-tip ta’ proġetti sabiex saħansitra pajjiżna jilħaq l-miri ambjentali ambizzjużi li għandu.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr kif dan il-proġett ikompli juri l-importanza li għandhom l-Fondi Ewropej kemm fil-qasam ambjentali iżda wkoll f’dak ta’ riċerka.