L-avvanzi kbar li qed isiru fit-teknoloġija u l-koperazzjoni gloabli huma bla preċedent, tant li qed jippermettu biex studenti jkollhom iċ-ċans li jaraw il-ġmiel u s-seħer ta’ Filfla aktar mill-qrib. Dan se jkun jista’ jsir permezz ta’ proġett, propost mis-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika, li se jesplora ambjenti lokali li mhumiex faċilment milħuqa.
Dwar il-proġett tkellimna ma’ Angela Charles, li hi s-Service Manager fl-istess segretarjat, spjegat li din it-teknoloġija hi waħda innovattiva fil-qasam edukattiv fejn l-istudenti se jkunu qed jiġu esposti għal realtajiet ġodda.
Hija qalet “Meta tfal tesponihom għal realtajiet ta’ veru li qed jesperjenzaw fil-ħajja, aktar jitgħallmu. Dawn l-esperjenzi mhumiex komuni, għax ovvjament se nkunu qed nużaw il-VR f’postijiet bħal Filfla. B’hekk jista’ jkun li nipproduċu materjal fejn it-tfal jiġu esposti għal postijiet fejn ma jkunux jistgħu jmorru.”
Dan hu wieħed minn ħames proġetti rebbieħa minn fost għadd ta’ applikazzjonijiet li ddaħħlu fit-tieni edizzjoni tan-National STEM Community Fund 2023 u issa se jkunu qed jibbenefikaw minn fondi allokati.
In-National STEM Awards 2023 hi inizjattiva tan-National STEM Engagement Working Group, immexxi miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora, fi ħdan l-MCST.
Il-fond komunitarju STEM hu proġett soċjali bil-għan li jinxtered l-għarfien u l-kultura tas-suġġetti fil-komunità. Il-fondi allokati, immexxijin mill-iSTEM Engagement Working Group tal-Esplora, jammontaw għal €24,000. Minn dawn il-fondi se jibbenefikaw il-ħames proġetti magħżula li se jkunu qed jitwettqu għall-ġid tal-komunità.
Il-proġetti rebbieħa l-oħrajn huma ‘Grow Your Own’ mill-Kulleġġ De La Salle, ‘Beat the Wheat’ mill-Assoċjazzjoni Maltija tax-Xjenzati Bijomediċi, ‘Bombs to Batoid’ minn Sharklab-Malta u ‘D.I.C.E’ mill-Kulleġġ t’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li r-riċerka u l-innovazzjoni hu settur importanti ħafna għal pajjiżna. Hu tenna li dawn il-persuni jew organizzazzjonijiet qegħdin jagħtu ħafna liċ-ċittadini biex ikomplu jtejbu l-kwalità ta’ ħajjitna.
Keith Azzopardi Tanti qal “Inkomplu ninvestu fiż-żgħazagħ tagħna, fit-tfal tagħna u fis-suġġetti STEM. Permezz ta’ dan il-fond qed nkomplu ninvestu fil-komunità.”
Għal din l-okkażjoni attendew ukoll iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Tonio Portughese, u l-Kap tal-Esplora, Olaf McKay.