Fil-Birgu tħabbar proġett ieħor ta’ spazju miftuħ u aħdar b’investiment ta’ €500,000.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega kif is-sit magħżul għal dan il-proġett jinsab fil-periferija tal-Birgu u għalhekk se jkun faċilment jista’ jintlaħaq ukoll mir-residenti tal-Kalkara u Bormla.
“Qed naraw li dan l-ispazju kbir miftuħ se jinqasam f’erba’ biċċiet, parti minnu se tkun picnic area ħa naraw l-għamra ta’ siġġijiet u mwejjed li jilqgħu l-familji u turisti li jiġu hawn imma wkoll se jkun hawn play area għat-tfal kif ukoll se jkun hawn dog park illi jilqa’ wkoll lil dawk li għandhom dan l-interess. Inħarsu ‘l quddiem biex dan ikun proġett ieħor f’katina ta’ proġetti illi qed naraw kuljum. ”
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega kif bħalissa għaddejja wkoll ħidma f’numru ta’ proġetti ta’ spazji ħodor f’diversi lokalitajiet fosthom fil-Ħamrun, Ħaż Żabbar, Ħal Luqa, u Ħal Qormi.