Għaddej xogħol ta’ manutenzjoni fid-dar tal-anzjani tal-Furjana li mistenni jitlesta fi ftit ġimgħat. Fost oħrajn saret manutenzjoni radikali ta’ restawr tal-erba’ faċċati tal-binja.
Għaddej ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-plant room ta’ fuq il-bejt, fuq il-lifts, fuq is-sistema ta’ arja kkundizzjonata u fuq l-aperturi kollha. Dan ix-xogħol mistenni jitlesta fi ftit ġimgħat oħra u qed tiġi investita s-somma inizjali ta’ madwar €100,000, filwaqt li qed tiġi studjata l-possibilità li t-terrazzin li hemm wara d-dar jinbidel f’roof garden fejn l-anzjani jkunu jistgħu jqattgħu ftit ħin ta’ mistrieħ fil-kenn mill-elementi.
Is-segretarju Parlamentari Justyne Caruana ddeskriviet ix-xogħol professjonali fuq il-faċċata tad-dar bħala xogħol li jitlob sengħa kbira u ħafna reqqa b’rispett lejn l-istil arkitettoniku partikolari tagħha. Spjegat li din hi binja antika li tmur lura għall-bidu tas-seklu għoxrin u ssemmiet għad-Duka ta’ Connaught. Minn żmien l-ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918) u għal bosta snin serviet għall-baħħara u għas-suldati Ingliżi. Minkejja xi bdil fl-intern tagħha, il-faċċata bi stil Neo-Gotiku baqgħet intatta u għalhekk il-konservazzjoni u r-restawr ta’ dan il-proġett kienu jitolbu attenzjoni kbira.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li x-xogħol ta’ tiswija u ta’ rinovar kien ilu s-snin meħtieġ f’diversi djar tal-anzjani. Kien għalhekk li tul l-aħħar tliet snin il-Gvern wettaq programm sħiħ ta’ xogħlijiet f’bosta djar, inklużi xogħlijiet fi swali ġodda li ġew rinovati mill-qiegħ biex jilħqu l-istandards nazzjonali li tfasslu apposta minn dan il-gvern għal dawn ir-residenzi. Xogħlijiet oħra li se jibdew fil-jiem li ġejjin jinkludu t-tibdil tal-aperturi fl-Isptar Zammit Clapp, il-ftuħ ta’ Dementia Unit fid-Dar tal-Imtarfa u t-tisbiħ fid-Dar tal-Imsida.