Ix-xahar id-dieħel se tinħareġ it-tieni sejħa għall-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tal-enerġija u l-ilma.
Dan il-proġett għandu l-iskop li jidentifika teknoloġiji innovattivi biex l-ilma ta’ Malta jkun sigur, filwaqt li l-użu tal-chlorine ikun fi kwantitajiet ħafna aktar baxxi. Dan se jsir bil-għan li titjieb it-togħma u r-riħa tal-ilma tax-xorb fornut mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Dan ħabbritu l-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt żjara li għamlet fil-laboratorji fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, bi sħubija mad-Dipartiment tax-Xjenza tal-Ikel u Nutrizzjoni fl-Universita’ ta’ Malta, qed jaħdmu fuq il-proġett Purilma.
Il-Ministru Dalli sostniet, “Il-korporazzjoni tas-servizzi tal-ilma tagħmel testijiet kontinwi biex taċċerta li fid-djar tan-nisa l-ilma li jasal ikun wieħed sigur. Issa permezz ta’ dan il-proġett Purilma qed imorru pass oltre għaliex il-korporazzjoni flimkien mal-UOM qed jaħdmu biex jaċċertaw togħma sigura tal-ilma li jasal għandna.”
L-Inġinier tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Jeanice Mallia, spjegat kif matul dan il-proġett qed ikunu studjati, tliet teknoloġiji ġodda. It-tim tal-Universita’ ta’ Malta se jkun jista’ jiddetermina l-kapaċità ta’ kull teknoloġija biex tiddiżinfetta l-ilma b’mod effettiv u fil-livelli definiti mid-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb tal-Unjoni Ewropea.
“Tul dan il-proġett se nkunu qed inħarsu lejn numru ta’ teknoloġiji u diżiffentar għat-trattament tal-ilma li jistgħu jiġu nkoporati bħala alternattivi tal-chlorine fl-operat tal-korporazzjoni”, qalet l-Inġinier Mallia.
L-iskop aħħari tal-proġett, li jifforma parti minn fondi Ewropej ta’ mija u għoxrin miljun ewro, huwa li l-kosumaturi jibdew jagħżlu l-ilma tal-vit bħala l-ilma tax-xorb tagħhom u jiġi eliminat l-użu tal-flixken tal-ilma tal-plastik biex b’hekk inaqqsu l-iskart tal-plastik.