Proġett li beda f’Diċembru li għadda u li mistenni jitkompla sa Mejju li ġej, qed ilaqqa’ studenti li fil-maġġoranza tagħhom qegħdin fir-raba’, il-ħames u s-sitt sena tal-primarja, ma’ anzjani residenti fi djar residenzjali u li jattendu fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva.
Dan biex jitħeġġeġ l-għarfien u l-prattika interġenerazzjonali bejn nies ta’ ġenerazzjonijiet differenti.
Akkumpanjati mill-Kap tal-Iskola Marika Gatt, il-Ministru għall-Edukazzjoni u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva żaru ċ-Ċentru tar-Riżorsi San Miguel f’Pembroke biex jaraw sessjoni ta’ dan il-proġett.
Il-Ministru Clifton Grima sostna kif dawn it-tip ta’ programmi huma parti minn perkors edukattiv li jara li jagħti dejjem aktar ħiliet li jistgħu jgħinu fil-ħajja ta’ kuljum.
Stqarr, “Meta nitkellmu dwar edukazzjoni sħiħa, edukazzjoni bil-persuna fiċ-ċentru tagħha, inkunu qed naraw proprju dan li qegħdin jesperjenzaw dawn it-tfal u anke l-anzjani li llum il-ġurnata qegħdin jagħmlu attività flimkien sabiex isiru jafu aktar dwar aspetti varji tal-ħajja ta’ kuljum li jolqtu kemm lit-tfal u anke liż-żgħażagħ kif ukoll l-anzjani.”
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea stqarr li proġetti bħal dawn imexxu aktar ’il quddiem il-mod ħolistiku ta’ kif tiġi indirizzata s-solitudni fost l-anzjani.
Qal, “Illum ġejna hawnhekk f’din l-iskola. Huwa proġett interessanti ferm. Verament tikber u titgħallem. X’ħin tara dan l-intergenerational gap jiġifieri bażikament fejn qed nitkellmu, fejn għandek l-anzjani u t-tfal qegħdin jgħinu lil xulxin, hawnhekk interessanti ħafna li hawn tfal li għandhom ukoll il-bżonnijiet tagħhom imma tiskanta meta tarahom jintegraw mal-anzjani, l-anzjani wkoll jieħdu gost ħafna u hija l-istimulation. Li jistimulaw lil xulxin.”
L-attivitajiet li qed isiru jinkludu diskussjonijiet, logħob tradizzjonali, tħawwil ta’ xitel u pjanti, tisjir ta’ ikel tradizzjonali, u xogħol tal-arti.
Matul is-sena l-parteċipanti jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet oħra bħal taħditiet u diskussjonijiet, u kunċerti tat-tfal.
F’dan il-proġett qed jieħdu sehem tnax-il skola u għadd ta’ djar tal-anzjani.