Se jkunu qed jinbnew 70 appartament ġdid u kif ukoll 115-il garaxx li parti minnhom se jkunu għall-użu tal-komunità. Tħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet mtella’ mill-Ministru Michael Farrugia quddiem binja fi stat ta’ abbandun f’Bormla li se tkun qed terġa’ tingħata l-ħajja permezz ta’ proġett ġdid.
Hu spjega kif se jkun qed jinbeda proġett ta’ bini ta’ madwar 400 unit ieħor, biex b’hekk fil-ħames snin li ġejjin se jkunu nbnew ‘il fuq minn 1,000 unit.
Farrugia sostna li jinsabu kburin li f’dan il-proġett se jinkludu wkoll faċilitajiet li ġew mitluba mill-komunità Bormliża. Fil-fatt għall-ewwel darba f’Malta dan il-proġett se jinkludi fih ukoll faċilitajiet soċjali, spazji miftuħa, se ssir riċiklaġġ ta’ ċertu materjal mill-binja eżistenti, konservar ta’ mina storika, se tonqos b’24% il-massa ta’ bini u se jinħoloq spazju miftuħ, kif ukoll il-bini ta’ 70 appartament u 115-il garaxx.
Permezz ta’ diskussjonijiet ma’ NGO’s saru tibdiliet fil-proġett sabiex jiġu rrispettati wkoll siti ta’ wirt storiku.
Sostna kif l-għan ewlieni ta’ Gvern ġdid Laburista, se jkunu li jkompli fejn ħallew Gvernijiet Laburista fil-passat, li jaħdem qatiegħ sabiex aktar Maltin u Għawdxin isiru sidien ta’ djarhom. Dan diġà beda jseħħ bi proġetti pilota li għaddej bħalissa bis-saħħa tal-ftehim mal-APS Bank.
Il-Minsitru Farrugia ħabbar li diġà hemm 50 familja li qed jipproċessaw b’suċċess ix-xewqa tagħhom biex jibbenefikaw minn din l-iskema u dan f’xahar, minn mindu ġiet varata din l-iskema, mijiet oħrajn qed jersqu lejn l-Awtortià sabiex jiksbu iktar informazzjoni. Diġà hemm ftehim ma’ Bank ieħor kummerċjali sabiex din l-iskema u oħrajn simili jiġu varati fil-ġimgħat li ġejjin.
Intqal kif fl-aħħar ta’ Ġunju se jiġu ffirmati l-kuntratti mal-banek barranin għas-self tal-proġetti tal-bini, u diġà bdew diskussjonijiet sabiex isir ftehim ġdid għal proġetti oħra.
Dan il-Gvern imbarka fuq proġett ħolistiku ta’ ħames snin sabiex tiġi attakkata l-problema li tħalliet minn Gvern preċedenti; dik ta’ lista ta’ stennija ta’ tlett elef applikazzjoni. Fejn fost il-miżuri hemm dawn il-binjiet ġodda sabiex b’hekk il-ġid jasal għand kulħadd.
Farrugia sostna li l-proposti Elettorali tal-PL fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali huma msejjsa fuq il-ħidma fejn tul dawn l-aħħar erba’ snin reġgħu nagħtaw il-ħajja numru ta’ proġetti li għal diċenji kienu twarrbu.