Il-Proġett Corallo, li qed jitmexxa mill-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Italja, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Heritage Malta, jieħdok dawra taħt wiċċ il-baħar mingħajr ma tmiss miegħu, permezz ta’ teknoloġija innovattiva u diġitali.
Dan il-proġett, li beda tliet snin ilu, b’mod uniku u mhux tas-soltu jiġġenera aktar għarfien dwar l-ispeċi u l-abitati ta’ taħt il-baħar, biex persuna b’dak l-għarfien tkun tista’ tgawdi dak li hemm madwarha b’mod iktar responsabbli.
Jipprovdi wkoll it-tgawdija tas-siti Natura 2000 li jinsabu qrib ix-xatt.
Il-Professur Alan Deidun, li hu responsabbli mill-proġett, tkellem ma’ ONE News dwar attivitajiet aktar sostenibbli li dan il-proġett joffri u kif persuna tista’ tgawdi l-ambjent, bħal kayaking, free diving u snorkelling.
“Dawn huma attivitajiet li jagħmlu inqas impatt għax pereżempju ma jintużax fuel, ma jarmux affarijiet ġol-ambjent u naħseb li dak huwa l-futur għax billi fis-siti tagħna qed jiżdiedu numru ta’ viżitaturi, siegħa bil-Maltin u siegħa bil-barranin li jiġu jżuruna ovjament l-unika mezz li nippreservaw dan l-ambjent tal-futur huwa li nnaqsu l-impatt li kull wieħed u waħda minnha nagħmlu.”
Il-Professur Alan Deidun
Il-proġett Corallo jipprovdi ammont ta’ teknoloġiji innovattivi u l-Deidun spjega kif ħafna żgħażagħ jinteraġixxu ħafna aktar ma’ dak kollu li hu diġitali. Hu qal li l-għan kien li jolqtu kemm jista’ jkun nies biex iwasslu l-messaġġ tagħhom.
“Robot fih ġo fih ammont ta’ informazzjoni dwar numru ta’ topiks importanti bħal plastik, marine protected areas, speċi aljeni, il-bram u fih numru ta’ quizzes. Fil-hologram nipproġettaw xeni mill-baħar bħal balena riesqa fl-arja, fil-kamra riesqa lejk. Il-virtual reality, aħna morna taħt il-baħar u ġbidna ċertu filmati b’kameras apposta ta’ 360 degrees, tfajnihom fil-virtual reality u dak li jkun meta jilbes dawn il-headset iħossu qiegħed ġol-baħar litteralment.
Il-Professur Alan Deidun
Il-Professur Deidun, feraħ li b’ħidma konġunta jistgħu juru l-isbaħ mumenti ta’ taħt il-baħar lil kulħadd, anke lil dawn li ma jistgħux jinżlu b’mod fiżiku.
“Naħseb jien li ħadna nies taħt il-baħar, anke nies li ma jistgħux minħabba raġuni ta’ mobilità, minħabba raġuni ta’ età u saħħa forsi ma jistgħux imorru taħt il-baħar, imma ħadnihom aħna b’mod virtwali.”
Il-Professur Alan Deidun
Waqt seminar organizzat fiċ-ċentru tal-viżitaturi ta’ Ħaġar Qim, fejn ġie spjegat aktar dwar dan il-proġett, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, irrimarka li, bi proġetti bħal dawn, qed inkomplu mmexxu ’l quddiem il-qasam teknoloġiku, b’għodod affaxxinanti.