F’Ħal Qormi, fiż-żona tar-roundabout magħrufa bħala “Tal-Imgħallaq”, għaddej intervent infrastrutturali li se jtejjeb din il-junction ewlenija f’pajjiżna, flimkien ma’ titjib fid-distribuzzjoni ta’ diversi servizzi, bħala parti minn kullana ta’ proġetti li qed isiru mill-aġenzija Infrastructure Malta.
Ix-xogħol hawnhekk imur lil hinn mill-asfalt u t-tfassil ta’ toroq fejn it-traffiku jimxi b’mod aktar mexxej u effiċjenti, iżda wkoll qed tittejjeb id-distribuzzjoni tal-elettriku u l-ilma.
Tkellimna mal-Perit Raphael Abdilla, li huwa d-Direttur Eżekuttiv, ta’ Infrastructure Malta, li spjegalna aħjar din il-ħidma.
“Ir-rotta tibda ħafna itwal, tibda min-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ, tibqa’ sejra saċ-Ċimiterju tat-Torok. L-intervent hawnhekk, madankollu, ikopri aktar minn xogħlijiet ta’ distribuzzjoni. Għandna xogħlijiet ukoll tal-ilma tax-xorb – prattikament qed isiru mains ġodda, li minnhom se titjieb is-sistema tal-ilma tax-xorb.”
Raphael Abdilla – Perit IM
Hu żied jgħid li dan il-proġett se jara aktar sigurtà fiż-żona, partikolarment fl-aktar sigħat tal-ġurnata li tara traffiku.
“Ir-reinstatement li se jsir se jkun intervent li jtejjeb is-sigurtà tal-junction Tal-Imgħallaq. Min jużaha jaf li hi pjuttost kaotika fil-peak tagħha. Għandek tliet karreġġjati li jaqgħu f’karreġjata waħda – allura min ġej min-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ, flok tliet karreġġjati li jridu jduru lejn Ħal Luqa, dawn se jiġu żewġ karreġġjati u jaqgħu f’karreġjata waħda.”
Raphael Abdilla – Perit IM
Abdilla, temm jispjega l-mod kif se jkunu qed jgħaddu l-karozzi. Minbarra hekk, qalilna li dan il-proġett sar bi ħsieb għal dawk li jgħixu fl-akwati, u se jkun aċċessibbli anke bil-pass, permezz ta’ diversi postijiet fejn persuna tista’ taqsam min-naħa għall-oħra.
“Intervent ieħor se jkun li l-karozzi li ġejjin min-naħa ta’ Triq l-Imdina, wara n-Nylon Knitting, se joħorġu fuq Triq Manuel Dimech, flok fuq il-junction dirett. Ħsibna wkoll għall-komunità tal-akwati, allura ħa jkun hemm anke sistema ta’ crossings biex il-komunità tkun tista’ taċċessa n-naħa ta’ Ħal Qormi u ċ-ċentru tagħha wkoll.”
Raphael Abdilla – Perit IM