Il-proġett tal-ewwel Ċentru Nazzjonali tal-Konservazzjoni tal-Ilma fin-Nigret ir-Rabat rebaħ l-unur internazzjonali għall-aqwa proġett f’dak li għandu x’jaqsam ma’ konservazzjoni tal-ilma u ċentri ta’ għarfien dwar l-ilma.
Iċ-Ċentru se nisimgħu ħafna bih tul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, għax se jintuża biex jospita diversi laqgħat.
Il-ġurnali KullĦadd jirrapporta li dan il-proġett kien fost is-seba’ finalisti li għamluha għall-finali tat-tieni edizzjoni tal-‘Greening the Islands Awards’ li fosthom kien hemm proġetti li qed isiru fl-Italja u fi gżejjer fl-Istati Uniti.
L-unur prestiġjuż huwa opportunità għal diversi proġetti li qed isiru fi gzejjer differenti, sabiex jiġu rikonoxxuti għas-sostenibilità u l-innovazzjoni tagħhom.
Ir-rebbieħa tħabbru l-Ġimgħa filgħaxija waqt serata li saret fil-Gran Canaria fi Spanja bħala parti mil-Konferenza ‘Greening the Islands’ li ttellgħet għat-tielet sena konsekuttiva.
Il-ġurija evalwat il-proġetti abbażi ta’ kwalità u kwantità inkluż valur ekonomiku u ekoloġiku. Il-konferenza ‘Greening the Islands,’ li kull sena qed tittella’ f’pajjiżi differenti, għandha l-għan li tfittex soluzzjonijiet ta’ sostenibilità għall-gżejjer madwar id-dinja, dan fid-dawl ta’ ambjent fraġli u l-bżonn li jiġu protetti r-riżorsi naturali.
Il-proġett tan-Nigret fir-Rabat issa daħal fi stadju avvanzat ħafna fejn inbidlet ukoll is-sistema tat-traffiku fl-inħawi. Dan il-proġett se jkun qed jara roundabout li kienet mitluqa għal ħafna snin tinbidel f’żona ta’ rikreazzjoni għar-residenti u l-familji tal-madwar u kif ukoll f’ċentru ta’ tagħlim dwar il-konservazzjoni tal-ilma.
Dan il-proġett apparti li kien finalist u eventwalment rebbieħ ta’ dan l-unur, kien ukoll finalist fl-‘International Design Awards’ – unur prestiġjuż ieħor f’dak li għandu x’jaqsam ma’ disinn ta’ proġetti. Minkejja li ma kienx ir-rebbieħ, kien minn ta’ quddiem u mfaħħar minn fost l-aqwa disinjaturi mondjali, fosthom dawk ta’ Roberto Cavalli, Sans Souci u John Lewis li raw talent kbir f’pajjiżna.
Il-Ministru Konrad Mizzi stqarr mal-KullĦadd li f’Malta hawn bżonn ta’ aktar għarfien dwar il-konservazzjoni tal-ilma u għalhekk proġett bħal dan huwa bżonjuż ħafna, dan għaliex għandu l-għan li jservi bħala ċentru interattiv u edukattiv kemm għat-tfal kif ukoll għall-familji sabiex jitgħallmu aktar dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma. Apparti minn hekk, dan il-proġett se jservi wkoll bħala riġenerazzjoni taż-żona tan-Nigret ġewwa r-Rabat li kienet mitluqa.
Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat minn Fondi Norveġiżi amministrati mis-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, bis-Segretarju Parlamentari Ian Borg jgħid li huwa ta’ sodisfazzjon li mhux biss nagħmlu proġetti tajbin permezz ta’ fondi barranin li nkunu akkwistajna imma huwa akbar l-apprezzament meta rikonoxximenti bħalma huwa l-unur ‘Greening the Islands’ jurina kif ix-xogħol huwa ta’ kwalità għolja.
Daniel Azzopardi huwa l-Kap Eżekttuv tal-Aġenzija tal-Energija u l-Ilma fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru. L-aġenzija qed tmexxi l-proġett.
https://www.youtube.com/watch?v=wnJjPwsw6SY