Qiegħdin ngħixu f’soċjeta fejn il-popolazzjoni globali taż-żgħazagħ qiegħda tiżdied jum wara jum. Illum hawn aktar minn 1.2 biljun żagħżugħ u żagħżugħa madwar id-dinja u għalhekk l-irwol taż-żgħażagħ qatt ma kien iktar importanti.
Matul l-aħħar xhur, numru ta’ żagħżagħ Maltin ipparteċipaw f’proġett bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza fuq il-volontarjat fost iz-żgħażagħ.
L-assoċjazzjoni Y Plus ppreżentat ‘Il-Volontarjat: Perspettiva taż-żgħazagħ’, dokument li fih numru ta’ rakommandazzjonjiet bil-għan li jiżdied l-attiviżmu taż-żgħazagħ fil-volontarjat.
Il-konklużjonijiet miġbura f’dan id-dokument huma frott numru ta’ laqgħat ta’ djalogu organizzati matul l-aħħar sena. Dawn il-laqgħat ġabu flimkien esperti fil-qasam tal-volontarjat, rappreżentanti minn instituzzjonijiet edukattivi kif ukoll żgħażagħ, bil-għan li jiġu identifikati l-problemi li ma jippermettux l-involviment sħiħ taż-żagħżagħ fis-settur volontarju.
Fost il-problemi identifikati insibu n-nuqqas ta’ promozzjoni t’opportunajiet volontarji, is-sistema edukattiva li kull ma jmur qed ssir aktar impenjativa, kif ukoll in-nuqqas ta’ strutturi u rwoli fi ħdan l-organizazzjoniet volontarji stess. Il-limitazzjonijiet finanzjarji flimkien ma’ nuqqas ta’ promozzjoni għax-xogħol u opportunitajiet kienu ukoll problemi msemmija.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-assoċjazzjoni hemm il-bżonn ta’ addattar u t-titjib tal-istrutturi u leġislatura li jħaddnu l-volontarjat; l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ volontarjat addattati għal dawk b’nuqqas t’opportunita’, investiment f’aġenziji ta’ taħriġ għall-volontarjat kif ukoll l-introduzzjoni ta’ infrastruttura ta’ volontorjat li tindirizza ż-żgħażagħ.
Il-verżjoni kompluta tal-‘policy paper’ tal-Y Plus – “Voluntary Work – A youth perspective” tinsab fuq goo.gl/7zp7n2. Dan il-proġett kien ffinanzjat permezz tal-programm ta’ fondi Ewropej Erasmus+.