Fi tmiem din is-sena, l-aġenzija Project Green se tkun qed tibda xogħlijiet ta’ rinnovar fil-Ġnien ta’ Sant’Anton. Dan ix-xogħol se jinkludi r-restawr u l-konservazzjoni tal-artifatti, li hemm f’dan il-ġnien pubbliku, li jagħmel parti mill-Palazz tal-President.
Xogħlijiet oħrajn se jaraw it-titjib fl-istrutturi, il-ħitan u passaġġi, fost l-oħrajn. Waqt li l-applikazzjonijiet għal dan il-proġett ambizzjuż għadhom kemm ġew approvati mill-awtoritajiet konċernati, issa nfetaħ il-proċess tat-tendering.
Viċin dan il-ġnien, li jitgawda kemm mill-Maltin u anki mit-turisti, jgħixu mal-5,500 persuna fid-dawra tiegħu, li ġejjin mil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard fejn jinsab il-ġnien, iżda wkoll minn Birkirkara u Ħal Lija.
Bħala parti minn dan il-proġett hemm ippjanat ukoll li tinbidel jew tiġi rrestawrata l-gaġġa tal-għasafar u l-konservatorju, biex anke l-annimali jibqgħu parti integrali mill-ġnien, kif kien intenzjonat storikament.
Il-pjanti tal-proġett saru wara assessjar dettaljat dwar x’azzjonijiet u miżuri hemm bżonn jittieħdu fil-post, li joffri kenn għal diversi persuni li jżuruh.
L-aġenzija Project Green se tkun qed twettaq dan il-proġett bil-għan prinċipali li tikkonserva l-arkitettura storika li hemm fil-ġnien ta’ madwar disgħa u tletin elf metru kwadru. Dan filwaqt li dan il-ġnien jinżamm fl-aħjar stat u anke jkun sigur għal kulħadd.
Mill-istudju li sar, ħareġ li x-xogħol għandu jinqasam f’fażijiet biex il-pubbliku xorta waħda jkollu aċċess għal bosta partijiet tal-ġnien waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet f’partijiet oħrajn.
Kelliem għall-aġenzija Project Green qal lil ONE News li, kull fażi li se ssir, se tara li kull żona tkun lesta kompletament qabel il-pubbliku jibda jerġa’ jgawdiha aħjar.